27 Oct 2023
Standards in Public Life: Malta Forum 2023, held on 27 October 2023

L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (l-OECD) ħarġet rapport ta’ 224 paġna b’rakkomandazzjonijiet għat-tisħiħ tal-integrità pubblika f’Malta.

Ir-rapport huwa r-riżultat finali ta’ proġett ta’ sentejn intitolat “Improving the Integrity and Transparency Framework in Malta”, li kien qed jitwettaq mill-OECD fuq talba tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Il-proġett ġie ffinanzjat permezz tat-Technical Support Instrument tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rapport, intitolat Public Integrity in ­Malta: Improving the­ Integrity and Transparency Framework for ­Elected and­ Appointed Officials, huwa aċċessibbli minn https://www.oecd-ilibrary.org/governance/public-integrity-in-malta_0ecc469e-en.

Ir-rapport jiġbor fih ħames rapporti dwar aspetti partikolari tas-sistema tal-integrità f’Malta li nħarġu mill-OECD bħala parti mill-proġett. Dawn ir-rapporti jittrattaw dwar:

  • l-operat tal-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards;
  • l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika;
  • kif għandu jiġi regolat il-lobbying;
  • il-kodiċi ta’ etika tal-ministri u dak tad-deputati parlamentari; u
  • id-dikjarar tal-assi u tal-interessi da parti ta’ ministri, deputati parlamentari u persuni ta’ fiduċja.

L-ewwel tliet rapporti nħarġu bħala dokumenti separati fil-11 ta’ Lulju 2022, filwaqt li r-raba’ rapport inħareġ fis-27 ta’ Settembru 2022. Il-ħames rapport huwa ġdid.

Ir-rapport konsolidat jinkludi wkoll appendiċi ta’ natura teknika dwar sistema li tista’ sservi bħala reġistru elettroniku tal-lobbyists u tal-attivitajiet ta’ lobbying.

Ir-rapport konsolidat ġie varat f’avveniment intitolat “Standards in Public Life: Malta Forum 2023”, li ġie organizzat mill-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards u sar fil-lukanda Phoenicia fis-27 ta’ Ottubru 2023.

Waqt il-forum tkellmu fost oħrajn il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, Kummissarju għall-Istandards; János Bertók, Deputat Direttur tad-Direttorat dwar il-Governanza Pubblika tal-OECD; Carissa Munro, Policy Analyst mal-OECD; u Dr Jonathan Attard, Ministru għall-Ġustizzja. Tkellmu wkoll permezz ta’ video link Daniele Dotto, Deputat Direttur fid-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tar-Riformi Strutturali fil-Kummissjoni Ewropea; u Kathryn Stone OBE, li kienet il-Kummissarju għall-Istandards fil-parlament tar-Renju Unit.

Il-Kummissarju għall-Istandards Joseph Azzopardi jitkellem waqt il-forum
János Bertók mill-OECD iwieġeb domandi mill-parteċipanti
Carissa Munro mill-OECD tippreżenta sommarju tar-rakkomandazzjonijiet
L-Onor. Ryan Callus MP jindirizza l-kelliema waqt il-perjodu ta’ diskussjoni
Dr George Hyzler, eks Kummissarju għall-Istandards, fl-udjenza
Il-Ministru Jonathan Attard waqt l-indirizz tal-għeluq tiegħu