Dwarna

Dwarna

Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi – Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika

Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi inħatar Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fit-8 ta’ Marzu 2023.

Twieled l-Isla fit-8 ta’ April 1955, iben il-mejtin Michael u Mary née Azzopardi. Attenda l-iskejjel primarji u sekondarji tal-gvern u l-Università ta’ Malta, fejn iggradwa bħala avukat fl-1979. Ingħata l-warrant biex jeżerċita l-professjoni fil-11 ta’ Jannar 1980.

Dejjem ipprattika bħala avukat fil-qorti u kien ukoll konsulent legali ta’ diversi korporazzjonijiet pubbliċi bħal Lohombus Bank u l-Awtorità għat-Trasport. Kien ukoll l-ewwel president tal-Federazzjoni tal-Għaqdiet taż-Żgħażagħ fl-1980. Kien direttur tal-Mid Med Bank bejn l-1980 u l-1987 u fil-bord tal-Awtorità tad-Djar bejn l-1997 u l-2003. Bejn l-1997 u l-2003 kien ukoll Kummissarju għall-Ġustizzja. Ġie elett bħala membru tal-Kumitat tal-Kamra tal-Avukati fl-1998 u bħala president tal-istess Kamra fis-sena 2000. Baqa’ jservi f’din il-kariga sakemm inħatar imħallef.

Inħatar imħallef tal-Qrati Superjuri fit-23 ta’ Mejju 2003. Serva fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (fejn inħatar president tas-sezzjoni fl-2009), fil-Qorti tal-Familja u fis-Sekond Awla tal-Qorti Ċivili. Fi Frar tas-sena 2013 ġie maħtur mill-Prim Imħallef biex iservi fil-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri). Fl-2010 inħatar mill-kollegi tiegħu bħala membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u baqa’ jkun elett kull sena sakemm fl-2018 inħatar Prim Imħallef u allura baqa’ membru “ex ufficio” tal-istess Kummissjoni. Bejn l-2011 u l-2020 irrappreżenta l-Kummissjoni fil-European Network of Judicial Councils. Irtira bl-età fit-8 ta’ April 2020. Fl-2021 inħatar Chairman tal-Judicial Studies Committee.

Iżżewweġ lil Maria née Attard fl-1981 u għandu tifla, Annalies, imwielda fl-1986, issa avukat. Hija miżżewġa lil Jean Paul Muscat u għandhom żewġt itfal, Julian u Matthew.

Kummissarji preċedenti

The office of the Standards Commissioner in St Paul Street, Valletta

L-uffiċċju tal-Kummissarju

Il-Kummissarju għall-Istandards huwa megħjun minn uffiċċju żgħir li hu mmexxi minn Direttur Ġenerali.

L-uffiċċju jinsab fi Triq San Pawl, il-Belt, f’bini li huwa jaqsam mal-uffiċċju tal-Ombudsman.

Logo image

L-emblema tal-uffiċċju

L-emblema tal-uffiċċju tal-Kummissarju hija immaġni ta’ waħda mis-sinniet fil-faċċata tal-bini tal-Parlament f’Misraħ il-Ħelsien, il-Belt. L-immaġni hija verżjoni maqtugħa u editjata ta’ ritratt li ttieħed tard f’ġurnata xitwija, meta d-dawl tax-xemx nieżla kien ġej mill-ġenb u kien qed jaqa’ fuq is-sinniet.

L-emblema tirrappreżenta r-relazzjoni mill-qrib li teżisti bejn il-Kummissarju għall-Istandards u l-Parlament, fis-sens li d-deputati parlamentari jaqgħu taħt l-iskrutinju tal-Kummissarju u min-naħa tiegħu il-Kummissarju jirrapporta lill-Kumitat tal-Parlament għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

L-emblema nħolqot mill-uffiċċju tal-Kummissarju. Kien l-ewwel Kummissarju nnifsu li ħareġ bl-idea li dettall mill-faċċata tal-Parlament jintuża bħala emblema, u kien id-Direttur Ġenerali fl-uffiċċju tiegħu li ħa r-ritratt u editjah.

Tista’ tinteressak il-paġna

Riżorsi