L-investigazzjoni ta' ilmenti
Kif il-Kummissarju jinvestiga ilmenti
Jekk il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jiddeċiedi li ma jistax jew ma jmissux jinvestiga ilment, jikteb lil min għamel l-ilment biex jgħidlu għalfejn.
Jekk il-Kummissarju jiddeċiedi li għandu jinvestiga l-ilment, f’xi stadju qabel ma jagħmel rakkomandazzjoni dwar il-każ huwa jgħaddi l-ilment lill-persuna li dwarha sar l-ilment u jitlobha tagħti r-reazzjonijiet tagħha. Dan hu skont il-liġi u l-prinċipji tal-ġustizzja naturali.
Qabel jew wara li jitlob il-veduti tal-persuna li sar l-ilment dwarha, il-Kummissarju jista’ jagħmel indaġni oħra għall-finijiet tal-investigazzjoni tiegħu. Il-Kummissarju għandu s-setgħa bil-liġi li jħarrek in-nies biex jixhdu u jfornu dokumenti.
Il-Kummissarju jkollu jissospendi l-investigazzjoni tiegħu jekk tinfetaħ kawża jew issir inkjesta mill-Qorti tal-Maġistrati fuq il-każ li qed jinvestiga, jew inkella jekk il-pulizija jibdew jinvestigaw l-istess każ. Il-Kummissarju stess jista’ jirreferi każ lill-pulizija jekk iħoss il-bżonn. Anki f’dal-każ il-Kummissarju jkollu jissospendi l-investigazzjoni tiegħu, iżda l-liġi tagħtih is-setgħa li jitlob aġġornamenti mingħand il-pulizija dwar l-investigazzjoni tagħhom u meta jaħsbu li se jlestuha.
Normalment il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandu jikkonkludi l-investigazzjonijiet tiegħu fi żmien sitt xhur. Jekk investigazzjoni taqbeż is-sitt xhur, il-Kummissarju jkollu jibgħat rapport bir-raġunijiet għad-dewmien lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati fil-kapaċità tiegħu bħala president tal-Kumitat Permanenti tal-Parlament għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Din il-proċedura tiġi ripetuta kull sitt xhur jekk l-investigazzjoni tibqa’ ma tiġix konkluża.
X’jiġri wara investigazzjoni
Jekk il-Kummissarju jikkonkludi li ilment huwa ġustifikat, jista’ jippreżenta rapport lill-Kumitat Permanenti tal-Parlament għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Il-Kumitat jikkunsidra r-rapport u jiddeċiedi x’azzjoni għandu jieħu.
Hekk kif il-Kummissarju jibgħat ir-rapport lill-Kumitat, javża l-persuna li għamlet l-ilment u l-persuna li ġiet investigata li huwa għamel dan u li l-investigazzjoni tiegħu lesta. Il-Kummissarju ma jgħaddilhomx kopja tar-rapport, għaliex huwa l-Kumitat li jista’ jirrilaxxa r-rapport. Malli r-rapport jiġi rilaxxat, il-Kummissarju jippubblikah fuq dan is-sit elettroniku.
Iżda jekk il-Kummissarju jidhirlu li kien hemm nuqqas etiku li mhux ta’ natura gravi, u dak in-nuqqas jista’ jiġi rimedjat mill-persuna investigata, il-Kummissarju jista’ jipproponi li tittieħed xi azzjoni bħala rimedju. Jekk dik l-azzjoni tittieħed, il-Kummissarju jagħlaq il-każ u jippreżenta rapport lill-Kumitat għall-iskop ta’ informazzjoni biss. Il-Kummissarju jibgħat ukoll kopji tar-rapport lill-persuna li għamlet l-ilment u lill-persuna li ġiet investigata. Barra minn hekk, il-Kummissarju jippubblika r-rapport fuq dan is-sit.
Mill-banda l-oħra, jekk jirriżulta mill-investigazzjoni tal-Kummissarju li seta’ kien hemm reat kriminali, il-Kummissarju jirreferi l-każ lill-pulizija u javża l-president tal-Kumitat li għamel hekk.
Jekk il-Kummissarju jikkonkludi li l-ilment mhuwiex ġustifikat, jibgħat ir-rapport tiegħu lil min għamel l-ilment u lil min ġie investigat. Il-Kummissarju jibgħat ir-rapport ukoll lill-Kumitat għall-Istandards għall-finijiet ta’ informazzjoni biss u l-każ jitqies magħluq. Barra minn hekk, il-Kummissarju jippubblika r-rapport fuq dan is-sit.
Il-kunfidenzjalità
Jekk tagħmel ilment għandek tgħid lill-Kummissarju min inti, għax bil-liġi hu ma jistax jikkunsidra ilmenti anonimi. Il-Kummissarju jista’ jitolbok tivverifika l-identità tiegħek (per eżempju billi tagħtih in-numru tal-karta tal-identità).
Normalment il-Kummissarju jibgħat l-ilment tiegħek lill-persuna li ilmentajt dwarha u jinkludi l-ilment fir-rapport tiegħu dwar il-każ. Biss, inti tista’ titlob li l-Kummissarju jagħmel dan mingħajr ma jiżvela ismek. Jekk din hija x-xewqa tiegħek, agħmilha ċara lill-Kummissarju meta tibgħatlu l-ilment. F’dan il-każ l-identità tiegħek tinżamm mistura fl-uffiċċju tal-Kummissarju.
Jekk titlob biex l-identità tiegħek ma tiġix żvelata, iżda l-Kummissarju jsib li ma jistax jinvestiga l-ilment tiegħek mingħajr ma jiżvela dettalji li jistgħu jindikaw min inti, hu jew uffiċjal tiegħu jiddiskuti dan miegħek.
L-ilment tiegħek u kwalunkwe korrispondenza oħra mal-Kummissarju u l-uffiċċju tiegħu jinżammu ġo file fl-uffiċċju tal-Kummissarju, iżda huma biss il-Kummissarju u l-uffiċjali tiegħu (li huma marbuta b’ġurament ta’ kunfidenzjalità) li jistgħu jaraw il-file.
Jista’ jinteressak