Dokumenti oħra maħruġa mill-Kummissarju għall-Istandards
Dokumenti maħruġa mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, apparti rapporti dwar investigazzjonijiet u rapporti annwali, jistgħu jitniżżlu minn din il-paġna.
Ittra lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati – 19 ta’ Settembru 2024
Il-Kummissarju tenna t-talba tiegħu biex il-Kumitat dwar l-Istandards jawtorizzah jippubblika deċiżjonijiet li m’għandux jinvestiga ilmenti. Din l-ittra ssegwi l-ittri tal-Kummissarju tal-15 ta’ Ġunju u l-5 ta’ Diċembru 2023 lill-Ispeaker (ara taħt).
Maħruġa: 19 ta’ Settembru 2024 | Lingwa: Bil-Malti | Niżżel id-dokument
Ittra lil Dr Karol Aquilina MP – 5 ta’ Settembru 2024
Fit-3 ta’ Settembru 2024 l-Onor Dr Karol Aquilina kiteb lill-Kummissarju sabiex jitolbu jirrevedi r-rapport tiegħu dwar il-każ K/058 u jissottomettih lill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards. Din l-ittra hija r-risposta tal-Kummissarju.
Maħruġa: 5 ta’ Settembru 2024 | Lingwa: Bil-Malti | Niżżel id-dokument
Nota ta’ informazzjoni dwar persuni ta’ fiduċja
Il-frażi “persuni ta’ fiduċja” ta’ spiss tittieħed li qed tirreferi għal kull min għandu ħatra politika (political appointee), iżda l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika jagħtiha tifsira aktar ristretta. Mhux kull min għandu ħatra politika jista’ jiġi investigat mill-Kummissarju għall-Istandards. Din in-nota tagħti ħarsa ġenerali lejn il-ħatriet politiċi fl-amministrazzjoni pubblika ta’ Malta u tispjega liema persuni b’ħatra politika jitqiesu persuni ta’ fiduċja skont it-tifsira fl-Att.
Aġġornata: 11 ta’ Ġunju 2024 | Lingwa: Bil-Malti u bl-Ingliż | Niżżel id-dokument bil-Malti | Niżżel id-dokument bl-Ingliż
Ittra lill-Ispeaker – 5 ta’ Diċembru 2023
Il-Kummissarju talab l-awtorizzazzjoni tal-Kumitat dwar l-Istandards biex ikun jista’ jippubblika deċiżjonijiet li m’għandux jinvestiga ilmenti. Din l-ittra ssegwi l-ittra tal-Kummissarju tal-15 ta’ Ġunju 2023 (ara taħt).
Maħruġa: 5 ta’ Diċembru 2023 | Lingwa: Bil-Malti | Niżżel id-dokument
Ittra lill-Prim Ministru – 3 ta’ Novembru 2023
Permezz ta’ din l-ittra, il-Kummissarju bagħat lill-Prim Ministru rapport maħruġ mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) dwar id-dikjarazzjonijet ta’ assi u interessi li jsiru mill-ministri u d-deputati parlamentari. Ir-rapport jipproponi riforma fis-sistema ta’ dikjarazzjonijiet. Fl-ittra tiegħu il-Kummissarju għamel rakkomandazzjoni formali skont l-artikolu 13(1)(g) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika sabiex il-gvern iwettaq il-proposti fir-rapport. Ara din il-paġna għal aktar tagħrif.
Maħruġa: 3 ta’ Novembru 2023 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument
Rakkomandazzjoni lill-Ispeaker – 18 ta’ Lulju 2023
Il-Kummissarju kiteb lill-Ispeaker sabiex jirrakkomanda formalment, skont l-artikolu 13(1)(g) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, li l-linji gwida dwar ir-riklami li nħarġu f’ Awwissu 2021 mill-Kummissarju ta’ qablu jiġu inkorporati bħala parti mill-kodiċi ta’ etika għall-ministri. B’hekk il-linji gwida jingħataw bażi legali u jiġi eliminat kull dubju dwar il-validità tagħhom.
Maħruġa: 18 ta’ Lulju 2023 | Lingwa: Bil-Malti | Niżżel id-dokument
Ittra lill-Ispeaker – 15 ta’ Ġunju 2023
Il-Kummissarju talab l-awtorizzazzjoni tal-Kumitat dwar l-Istandards biex ikun jista’ jippubblika deċiżjonijiet li m’għandux jinvestiga ilmenti f’sitwazzjonijiet fejn il-Kummissarju jidhirlu li t-tali pubblikazzjoni hija ġustifikata. Bħalissa, meta l-Kummissarju jiddeċiedi li ilment m’għandux jiġi investigat, huwa jista’ jibgħat id-deċiżjoni tiegħu lil min għamel l-ilment u lil min sar dwaru l-ilment, iżda ma jistax jippubblika d-deċiżjoni.
Maħruġa: 15 ta’ Ġunju 2023 | Lingwa: Bil-Malti | Niżżel id-dokument
Analiżi dwar l-infiq mill-kandidati fl-elezzjoni ġenerali
Dan ir-rapport jagħmel analiżi ġenerali tan-nefqa mill-kandidati fl-elezzjoni ġenerali tal-2022. Ir-rapport jindaga dwar l-attivitajiet tal-kandidati, kif irrapportaw in-nefqa tagħhom, u kif inhu regolat dan l-infiq. Ir-rapport isib li m’hemmx kontroll effettiv fuq l-infiq mill-kandidati fl-elezzjonijiet ġenerali u jqajjem tħassib dwar l-effett li dan in-nuqqas ta’ kontroll jista’ jkollu fuq l-istandards fil-ħajja pubblika.
Maħruġ: 30 ta’ Settembru 2022 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument
Ittra lill-Prim Ministru – 27 ta’ Settembru 2022
Permezz ta’ din l-ittra, il-Kummissarju bagħat lill-Prim Ministru rapport maħruġ mill-OECD li jipproponi li l-kodiċijiet ta’ etika għall-ministri u d-deputati parlamentari jiġu riveduti u jingħataw aktar saħħa. Il-Kummissarju għamel rakkomandazzjoni formali skont l-artikolu 13(1)(g) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika sabiex jiġu riveduti ż-żewġ kodiċijiet kif propost fir-rapport. Ara din il-paġna għal aktar tagħrif dwar ir-rapport.
Maħruġa: 27 ta’ Settembru 2022 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument
Ittra lill-Prim Ministru – 11 ta’ Lulju 2022
Permezz ta’ din l-ittra, il-Kummissarju bagħat lill-Prim Ministru tliet rapporti maħruġa mill-OECD. Ir-rapporti jittrattaw dwar l-operat tal-uffiċċju tal-Kummissarju, l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, u r-regolamentazzjoni tal-lobbying f’Malta. Fl-ittra il-Kummissarju qal li l-ewwel rapport kien qed jintbagħat għall-fini ta’ informazzjoni biss, filwaqt li t-tieni u t-tielet rapporti kienu qed jintbagħtu bil-għan li jiġu implimentati. Il-Kummissarju għamel rakkomandazzjoni formali skont l-artikolu 13(1)(f) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika sabiex il-gvern jimplimenta r-rapport dwar il-lobbying. Ara din il-paġna għal aktar informazzjoni dwar ir-rapporti.
Maħruġa: 11 ta’ Lulju 2022 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument
Linji gwida dwar riklami u materjal promozzjonali tal-gvern
Dan id-dokument jippreżenta linji gwida li huma maħsuba biex jiżguraw li l-ministri ma jonfqux fondi pubbliċi fuq pubbliċità personali jew politika. Il-Kummissarju ħareġ dawn il-linji gwida bil-għan li jirreferi għalihom f’każi li jinvolvu riklami u materjal promozzjonali tal-gvern. Madankollu, fit-28 ta’ Ġunju 2023 l-Ispeaker iddeċieda waqt laqgħa tal-Kumitat tal-Parlament dwar l-Istandards li każi ta’ din in-natura m’għandhomx jiġu konklużi abbażi tal-linji gwida għaliex dawn m’għandhomx saħħa legali. Il-Kummissarju kiteb lill-Ispeaker dwar dan fit-18 ta’ Lulju 2023 (ara fuq).
Maħruġ: 2 ta’ Awwissu 2021 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument
Ittra lill-Ispeaker – 6 ta’ Mejju 2021
F’din l-ittra l-Kummissarju indirizza allegazzjonijiet oħra dwaru u dwar l-uffiċċju tiegħu li saru mill-Onor Glenn Bedingfield MP waqt diskors fil-Parlament fit-3 ta’ Mejju 2021.
Maħruġa: 6 ta’ Mejju 2021 | Lingwa: Bil-Malti | Niżżel id-dokument
Ittra lill-Ispeaker – 21 ta’ April 2021
F’din l-ittra l-Kummissarju indirizza allegazzjonijiet dwaru u dwar l-uffiċċju tiegħu li saru mill-Onor Glenn Bedingfield MP waqt diskors fil-Parlament fid-19 ta’ April 2021.
Maħruġa: 21 ta’ April 2021 | Lingwa: Bil-Malti | Niżżel id-dokument
Ittra lill-Ispeaker – 9 ta’ April 2021
F’din l-ittra l-Kummissarju esprima tħassib għax il-Kumitat għall-Istandards kien qed idum biex jippubblika r-rapporti dwar investigazzjonijiet li kienu qed jiġu riferuti lilu. Il-Kummissarju esprima wkoll il-fehma li f’kull każ hu u mhux il-Kumitat għandu jkun risponsabbli għall-pubblikazzjoni ta’ rapporti simili.
Maħruġa: 9 ta’ April 2021 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument
Ittra lill-Ispeaker – 4 ta’ Marzu 2021
F’din l-ittra l-Kummissarju ressaq il-veduti tiegħu fuq ruling tal-Ispeaker tat-2 ta’ Marzu 2021 dwar is-setgħa tal-Kummissarju li jinvestiga lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat in konnessjoni maż-żamma ta’ ġurnalisti fil-Berġa ta’ Kastilja f’Novembru tal-2019.
Maħruġa: 4 ta’ Marzu 2021 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument
Deċiżjoni dwar talba għal investigazzjoni mingħand Dr Jason Azzopardi MP
Fit-8 ta’ Novembru 2020 l-Onor Dr Jason Azzopardi MP talab lill-Kummissarju jinvestigah in konnessjoni ma’ rapport li huwa kien ingħata akkommodazzjoni b’xejn waqt żjara f’Tel Aviv fl-2017. Dan id-dokument jippreżenta d-deċiżjoni tal-Kummissarju dwar it-talba ta’ Dr Azzopardi.
Maħruġ: 10 ta’ Novembru 2020 | Lingwa: Bil-Malti | Niżżel id-dokument
Kodiċijiet ta’ etika riveduti għad-deputati parlamentari u l-ministri
Dan ir-rapport ippropona kodiċijiet ta’ etika riveduti għall-membri tal-Kamra tad-Deputati u għall-ministri u s-segretarji parlamentari. Ir-rapport ġie ppreżentat lill-Kumitat għall-Istandards bħala rakkomandazzjoni skont l-artikolu 13(1)(g) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.
Maħruġ: 29 ta’ Lulju 2020 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument
Proposti biex jiġi regolat il-lobbying: sommarju
Dan id-dokument ta’ tmien paġni ta sommarju tal-proposti tal-Kummissarju dwar kif għandu jiġi regolat il-lobbying. Huwa aċċessibbli bil-Malti u bl-Ingliż u jista’ jinqara mingħajr referenza għad-dokument ewlieni (ara taħt).
Maħruġ: 6 ta’ April 2020 | Lingwa: Bil-Malti u bl-Ingliż | Niżżel id-dokument bil-Malti | Niżżel id-dokument bl-Ingliż
Proposti biex jiġi regolat il-lobbying: dokument ta’ konsultazzjoni
Dan id-dokument ippreżenta proposti dwar liġi ġdida biex tirregola l-lobbying u talab il-veduti tal-pubbliku dwarhom. L-OECD inkorporat dawn il-proposti f’rapport dwar ir-regolamentazzjoni tal-lobbying li ġie ppreżentat lill-Prim Ministru.
Maħruġ: 28 ta’ Frar 2020 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument
Stqarrija tal-Kummissarju dwar l-ingaġġ mal-gvern ta’ deputati backbenchers
Din l-istqarrija segwiet rapport maħruġ mill-Kummissarju fil-5 ta’ Lulju 2019, fejn sab li huwa fundamentalment ħażin li l-gvern jagħti ħatriet lid-deputati parlamentari backbenchers, u risposta ppubblikata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni fil-11 ta’ Novembru 2019, li qal li din il-prattika ma fiha xejn ħażin. F’din l-istqarrija l-Kummissarju spjega għalfejn ma qabilx mal-veduti tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.
Maħruġa: 22 ta’ Novembru 2019 | Lingwa: Bil-Malti u bl-Ingliż | Niżżel id-dokument bil-Malti | Niżżel id-dokument bl-Ingliż
Proposti dwar ir-riforma tal-Kostituzzjoni
Dan ir-rapport ta’ 138 paġna jippreżenta proposti dettaljati għal tibdil fil-Kostituzzjoni ta’ Malta. Il-proposti huma ntiżi biex itejbu l-istandards fil-ħajja pubblika billi jsaħħu l-Parlament u l-qrati, iħarsu aħjar il-prinċipju tal-mertu fil-ħatriet, u jpoġġu l-amministrazzjoni pubblika Maltija fuq sisien aktar sodi. Ir-rapport jinkludi abbozz ta’ emendi kostituzzjonali li ġew imfassla fuq dawn il-proposti.
Il-Kummissarju għall-Istandards ippreżenta dan ir-rapport lill-President ta’ Malta bħala risposta għas-sejħa tal-President biex il-pubbliku jibgħat l-ideat tiegħu dwar riformi kostituzzjonali.
Maħruġ: 30 ta’ Ottubru 2019 | Lingwa: Bl-Ingliż | Niżżel id-dokument
Tista’ tinteressak il-paġna dwar