11 Jul 2022
Reports on the integrity framework of Malta issued by the OECD in July 2022

Fil-11 ta’ Lulju 2022 l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (l-OECD) ħarġet tliet rapporti dwar standards ta’ integrità f’Malta. Wieħed mir-rapporti huwa dwar l-operat tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika; ieħor jindirizza l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika; u t-tielet wieħed jippreżenta proposti għar-regolamentazzjoni tal-lobbying.

Ir-rapporti ġew ippreparati bħala parti minn proġett intitolat “Improving the Integrity and Transparency Framework in Malta”, li qed jiġi mwettaq mill-OECD fuq talba tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Il-proġett ġie varat f’Settembru tal-2021 u se jdum għaddej sentejn.

Ir-rapport dwar l-operat tal-Kummissarju għall-Istandards jagħmel rakkomandazzjonijiet bil-għan li jħaffef is-sottomissjoni ta’ ilmenti u jsaħħaħ l-uffiċċju tal-Kummissarju.

Ir-rapport fuq l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika jirrakkomanda fost affarijiet oħra li l-Att għandu jiġi estiż biex ikopri l-kunsilliera lokali u membri ta’ bordijiet tal-gvern; li għandhom jiżdiedu s-setgħat tal-Kummissarju għall-Istandards; u li għandha tinbidel il-kompożizzjoni tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards.

Ir-rapport dwar il-lobbying jagħti ħarsa mill-ġdid lejn il-proposti li kien ħareġ il-Kummissarju għall-Istandards fi Frar tal-2020 biex il-lobbying jiġi regolat minn liġi apposta. Ir-rapport tal-OECD ġeneralment jaqbel mal-proposti tal-Kummissarju iżda jirrakkomanda xi tibdil fid-dawl tal-kompetenza speċjali tal-OECD f’dan il-qasam.

It-tliet rapporti ġew ippreżentati waqt forum li ġie organizzat mill-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards u li sar fil-Każin Malti fil-Belt fil-11 ta’ Lulju 2022.

Il-kelliema ewlenija fil-forum kienet Kathryn Stone OBE, il-Kummissarju għall-Istandards tal-House of Commons tar-Renju Unit. János Bertók, Viċi-Direttur tad-Direttorat dwar Governanza Pubblika tal-OECD, ippreżenta sommarju tar-rakkomandazzjonijiet tal-OECD.

Tkellmu wkoll Dr George Marius Hyzler, Kummissarju għall-Istandards; Dr Tonio Borg, eks ministru tal-gvern ta’ Malta u eks kummissarju tal-Kummissjoni Ewropea; u Iva Ruycheva, Konsulent Speċjali tal-Kunsill tal-Ministri fil-Bulgarija. Barra minn hekk, il-forum ġie indirizzat permezz ta’ video link minn Sébastien Renaud, uffiċjal fid-Direttorat Ġenerali għal Appoġġ ta’ Riformi Strutturali fil-Kummissjoni Ewropea, u Francesco Clementucci, uffiċjal fid-Direttorat Ġenerali dwar Immigrazzjoni u Affarijiet Interni tal-istess Kummissjoni.

Fost il-parteċipanti fil-forum kien hemm rappreżentanti tal-awtoritajiet li jinforzaw l-istandards ta’ etika fil-Kroazja, il-Litwanja u r-Rumanija, u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, korpi kostitwiti u awtoritajiet indipendenti tal-istat f’Malta.

Ir-rapporti tal-OECD jistgħu jitniżżlu mil-links t’hawn taħt.

Il-Kummissarju għall-Istandards formalment ippreżenta t-tliet rapporti lill-Prim Ministru permezz ta’ ittra datata 11 ta’ Lulju 2022.

Il-forum tal-11 ta’ Lulju 2022
Charles Polidano, Direttur Ġenerali fl-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards, huwa u jiftaħ il-forum
Dr George Marius Hyzler, Kummissarju għall-Istandards, huwa u jindirizza l-forum
Is-Sa Katherine Stone, Kummissarju għall-Istandards fir-Renju Unit, waqt id-diskors tagħha
Is-Sur János Bertók, Viċi-Direttur tad-Direttorat dwar Governanza Pubblika tal-OECD
Dr Tonio Borg, eks ministru u kummissarju tal-Unjoni Ewropea