Xogħol il-Kummissarju
L-irwol tal-Kummissarju joħroġ mill-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika (il-kapitolu 570 tal-liġijiet ta’ Malta). Bis-saħħa tal-Att, il-Kummissarju għandu ġurisdizzjoni fuq dawn li ġejjin:
- membri tal-Parlament, inkluż ministri u segretarji parlamentari; u
- persuni ta’ fiduċja – jiġifieri persuni ingaġġati bil-fiduċja minn barra l-amministrazzjoni pubblika biex iservu bħala konsulenti jew membri fis-segretarjat ta’ ministru jew segretarju parlamentari, jew biex jimlew karigi fl-amministrazzjoni pubblika li baqgħu battala wara sejħiet ripetuti għall-applikazzjonijiet.
Il-Kummissarju jista’ jara jekk ministri, segretarji parlamentari jew membri oħra tal-Parlament imxewx b’mod li –
- huwa kontra l-liġi;
- huwa kontra xi obbligu etiku jew dmir ieħor li joħroġ mil-liġi; jew
- jirrappreżenta abbuż ta’ poter.
Il-Kummissarju jista’ jara jekk persuni ta’ fiduċja kisrux l-obbligi etiċi tagħhom.
Kull min jaqa’ taħt l-Att huwa obbligat li jsegwi regoli dwar l-imġiba etika. L-Att innifsu jinkludi kodiċi ta’ etika għall-ministri u s-segretarji parlamentari u kodiċi ieħor għall-membri tal-Parlament. L-Att jobbliga lill-persuni ta’ fiduċja li josservaw kodiċi ta’ etika li jinsab f’liġi oħra, l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (il-kapitolu 595 tal-liġijiet ta’ Malta). Dawn il-kodiċijiet ta’ etika jistgħu jitniżżlu mill-paġna “Riżorsi” ta’ dan is-sit.
Il-Kummissarju għall-Istandards jista’ jiftaħ investigazzjoni fuq l-inizjattiva tiegħu jew jekk jirċievi ilment. Iżda l-Kummissarju ma jistax jinvestiga każi li seħħew qabel it-30 ta’ Ottubru 2018 (meta l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika daħal fis-seħħ). Lanqas ma jista’ jinvestiga każi li għaddejjin proċeduri legali dwarhom jew li diġà qed jiġu investigati mill-pulizija.
Jekk il-Kummissarju jsib li xi ministru, segretarju parlamentari, membru tal-Parlament jew persuna ta’ fiduċja aġixxiet b’mod ħażin, jista’ jagħtiha perjodu ta’ żmien biex tirrimedja l-azzjonijiet tagħha, jew jista’ jagħmel rapport lill-Kumitat Permanenti tal-Parlament għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Barra milli jikkunsidra każijiet bħal dawn, il-Kummissarju jista’ wkoll jeżamina d-dikjarazzjonijiet ta’ proprjetà u interessi magħmula minn membri parlamentari u ministri skont il-kodiċi ta’ etika relevanti.
Il-Kummissarju jista’ wkoll jirrakkomanda li jsir titjib fir-regoli dwar l-etika u li materji bħal-lobbying u l-aċċettazzjoni ta’ rigali jiġu regolati aħjar. Il-Kummissarju ħareġ proposti dwar ir-regolamentazzjoni tal-lobbying, kif ukoll rakkomandazzjonijiet dwar l-introduzzjoni ta’ kodiċijiet ta’ etika aktar b’saħħithom għall-ministri u d-deputati parlamentari. Dawn id-dokumenti jistgħu jitniżżlu minn din il-paġna.
Jista’ jinteressak