Kif tagħmel ilment
Dwar min tista’ tagħmel ilment
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jista’ jikkunsidra ilmenti dwar:
- deputati parlamentari, inkluż ministri u segretarji parlamentari; u
- persuni ta’ fiduċja – jiġifieri persuni ingaġġati bil-fiduċja minn barra l-amministrazzjoni pubblika biex (i) iservu bħala konsulenti jew membri fis-segretarjat privat ta’ ministru jew segretarju parlamentari, jew (ii) jimlew karigi fl-amministrazzjoni pubblika li baqgħu battala wara sejħiet ripetuti għall-applikazzjonijiet.
Deputati parlamentari
Id-deputati parlamentari jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji: dawk li għandhom kariga ta’ ministru jew segretarju parlamentari, u dawk li m’għandhomx.
Kull deputat parlamentari huwa marbut bil-kodiċi ta’ etika għad-deputati li jinsab fl-ewwel skeda tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Barra minn dan, kull ministru u segretarju parlamentari huwa marbut bil-kodiċi ta’ etika ministerjali li jinsab fit-tieni skeda tal-Att. Dan ifisser li kull ministru u segretarju parlamentari huwa marbut biż-żewġ kodiċijiet.
Persuni ta’ fiduċja
Il-kliem “persuni ta’ fiduċja” ta’ spiss jinftiehem bħala riferenza għal kull min għandu ħatra politika (political appointee), jiġifieri kull min ingħata xi kariga mill-gvern tal-ġurnata mingħajr proċess tal-għażla skont il-mertu. Biss, mhux kull min għandu ħatra politika jaqa’ taħt l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Aktar tagħrif dwar persuni b’ħatra politika u persuni ta’ fiduċja kif definiti fl-Att jinsab f’din in-nota ta’ informazzjoni.
Dan huwa suġġett kumpless, iżda jistgħu jinħarġu dawn iż-żewġ punti ewlenin:
- Jekk individwu qed jaħdem fis-segretarjat privat ta’ ministru jew segretarju parlamentari, x’aktarx li huwa persuna ta’ fiduċja skont it-tifsira fl-Att, jiġifieri jista’ jiġi investigat mill-Kummissarju għall-Istandards.
- Jekk individwu qed jaħdem f’uffiċċju tal-gvern li mhux segretarjat privat, jew f’aġenzija, awtorità, fondazzjoni, jew entità oħra fis-settur pubbliku, x’aktarx li ma jaqax taħt l-Att. Min ma jaqax taħt l-Att ma jistax jiġi investigat mill-Kummissarju għall-Istandards.
Għandu jiġi emfasizzat li dawn huma biss linji gwida ġenerali. Sfortunatament mhux possibbli li jiġu mfassla regoli aktar preċiżi. Jekk tixtieq tilmenta dwar individwu u m’intix ċert jekk huwiex persuna ta’ fiduċja skont it-tifsira fl-Att, issottometti l-ilment tiegħek xorta waħda lill-Kummissarju u hu jagħmel l-indaġni li jkun hemm bżonn biex jiddetermina jekk l-individwu jaqax taħt l-Att. Jekk il-Kummissarju jsib li ma jistax jinvestiga l-ilment tiegħek jinformak b’dan.
L-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika ma fihx kodiċi ta’ etika għall-persuni ta’ fiduċja. Minflok, l-Att iqegħedhom taħt l-obbligu li josservaw il-kodiċi ta’ etika għall-impjegati pubbliċi, li jinsab fl-ewwel skeda tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika.
X’tip ta’ mġiba tista’ tilmenta dwarha
L-imġiba li tista’ tilmenta dwarha tvarja skont jekk l-ilment tiegħek huwiex dwar deputat parlamentari jew persuna ta’ fiduċja. Ilmenti dwar deputati jistgħu ikopru firxa aktar wiesgħa ta’ materji.
Il-Kummissarju jista’ jikkunsidra ilmenti li deputati parlamentari, inkluż ministri u segretarji parlamentari –
- kisru l-liġi;
- naqsu milli jsegwi xi obbligu etiku jew dmir ieħor li joħroġ mil-liġi, inkluż il-kodiċi ta’ etika ministerjali jew il-kodiċi għad-deputati; jew
- ħaddmu setgħat diskrezzjonali b’mod li jirrappreżenta abbuż ta’ poter.
Il-Kummissarju jista’ jikkunsidra ilmenti li persuni ta’ fiduċja kisru l-kodiċi ta’ etika li jinsab fl-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika.
Inti mitlub iżżomm f’moħħok il-punti li ġejjin jekk qed taħseb biex tibgħat ilment.
Ksur tal-liġi jew dmirijiet li joħorġu mil-liġi
Il-Kummissarju għall-Istandards jista’ jinvestiga deputati parlamentari u ministri talli kisru l-liġi jew ma qdewx xi dmir li joħroġ mil-liġi. Iżda dan ma jfissirx li l-Kummissarju għandu jassumi l-irwol ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra.
Mhux il-kompitu tal-Kummissarju li jinvestiga reati kriminali. Jekk tixtieq tirrapporta persuna li taqa’ taħt l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika talli allegatament wettqet reat, għandek tagħmel ir-rapport tiegħek direttament lill-pulizija.
F’ċerti każi, il-ksur ta’ liġi inforzata minn xi awtorità oħra tal-istat (per eżempju l-awtoritajiet tat-taxxa) jista’ jirrappreżenta wkoll ksur ta’ etika li jimmerita investigazzjoni mill-Kummissarju. Biss, bħala regola ġenerali każ bħal dan għandu jiġi investigat mill-awtorità l-oħra qabel xejn. Il-Kummissarju ma jistax jasal għall-konklużjoni li seħħ ksur ta’ etika f’każ bħal dan qabel ma l-awtorità l-oħra tikkonkludi li nkisret il-liġi inforzata minnha. Il-Kummissarju ma jistax jiddeċiedi minn rajh li nkisret it-tali liġi għaliex b’hekk ikun qiegħed jassumi s-setgħat tal-awtorità l-oħra.
Jekk tixtieq tressaq ilment quddiem il-Kummissarju dwar każ bħal dan, għandek tressqu minnufih minħabba t-termini ta’ żmien stabbiliti mill-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika (ara taħt). Jekk il-Kummissarju jiddeċiedi li l-ilment m’għandux jiġi kkunsidrat taħt l-Att, u li għandu jiġi kkunsidrat biss minn awtorità oħra, huwa jinformak b’dan. Jekk il-Kummissarju jiddeċiedi li l-ilment għandu jiġi kkunsidrat taħt l-Att, normalment jistenna sakemm l-awtorità l-oħra tikkonkludi l-investigazzjoni tagħha qabel ma jieħu l-każ f’idejh.
Termini ta’ żmien
L-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika jispeċifika li għandek tagħmel ilment –
- mhux aktar tard minn tletin jum tax-xogħol minn meta sirt taf bl-azzjonijiet li tixtieq tilmenta dwarhom; u
- mhux aktar tard minn sena wara li seħħew dawn l-azzjonijiet.
Dawn il-perjodi ta’ żmien jgħoddu fl-istess ħin, jiġifieri jista’ jiskadi wieħed waqt li l-ieħor għadu għaddej. L-Att ma jħallix il-Kummissarju jikkunsidra ilment li jiġi sottomess wara li jiskadi kwalunkwe wieħed minn dawn il-perjodi.
Passi li jkunu qed jittieħdu minn ħaddieħor
Il-Kummissarju ma jistax jikkunsidra ilment jekk:
- hemm kawża dwar l-istess każ pendenti quddiem qorti jew tribunal imwaqqaf bil-liġi;
- il-Qorti tal-Maġistrati qed tagħmel inkjesta fuq l-istess każ; jew
- il-każ diġà qiegħed jiġi investigat mill-pulizija.
Deċiżjoni li ma jinvestigax
Il-Kummissarju jista’ ma jinvestigax ilment jekk fil-fehma tiegħu –
- m’hemmx lok għal investigazzjoni;
- l-ilment huwa trivjali, frivolu jew vessatorju; jew
- l-ilment mhux bona fede.
F’każijiet bħal dawn, il-Kummissarju jiktiblek biex jgħidlek għalfejn iddeċieda li m’għandux jinvestiga l-ilment tiegħek.
Kif tista’ tibgħat l-ilment tiegħek
Tista’ tibgħat l-ilment tiegħek permezz ta’ ittra jew email.
Jekk jogħġbok identifika lilek innifsek b’mod ċar fl-ilment tiegħek, għax skont il-liġi l-Kummissarju ma jistax jikkunsidra ilmenti anonimi. Jekk ma tixtieqx li l-Kummissarju jiżvela ismek lil ħaddieħor, għamel din ix-xewqa ċara fl-ilment tiegħek.
Jekk jogħġbok, identifika wkoll b’mod ċar il-persuna jew persuni li qed tilmenta dwarhom. Agħti kemm tista’ informazzjoni dwar x’taħseb li għamlu ħażin.
F’każi eċċezzjonali ilment jista’ jsir bil-fomm, għalkemm il-liġi titlob li ilment bil-fomm jitniżżel bil-miktub fi żmien għaxart ijiem. Jekk tixtieq tagħmel ilment bil-fomm, ċempel lill-Uffiċċju tal-Kummissarju sabiex titkellem ma’ impjegat tal-uffiċċju. Dan imbagħad jirreferi t-talba tiegħek lill-Kummissarju.
Tista’ tinteressak il-paġna dwar