Fil-15 ta’ Settembru 2021 il-Kummissarju għall-Istandards nieda proġett intitolat “Lejn Titjib fil-Qafas tal-Integrità u t-Trasparenza f’Malta”. Dan il-proġett se jibbenefika minn fondi tad-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ għar-Riformi Strutturali (DĠ Reform) tal-Kummissjoni Ewropea. Il-proġett se jibbenefika wkoll mill-għarfien tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), entità internazzjonali magħrufa għall-kompetenza tagħha fil-qasam tal-governanza tajba.
Il-proġett hu maħsub biex isaħħaħ l-irwol ta’ sorveljanza tal-Kummissarju u jtejjeb l-għarfien dwar l-integrità sabiex iwassal għal sistema ta’ integrità pubblika f’Malta aktar b’saħħitha. Biex jilħaq dawn l-għanijiet, il-proġett se jkopri sitt oqsma:
- titjib fl-effettività tal-uffiċċju tal-Kummissarju;
- titjib fl-istandards tal-integrità biex jissaħħaħ l-irwol ta’ sorveljanza tal-Kummissarju;
- titjib fil-proċess tal-ġbir u l-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi u d-dikjarazzjonijiet dwar konflitti ta’ interess li jsiru mill-ministri u d-deputati parlamentari;
- tisħiħ tal-kodiċijiet ta’ etika tad-deputati parlamentari u l-ministri, u appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-kodiċijiet permezz ta’ gwidi mfassla apposta;
- titjib fil-qafas li jirregola l-lobbying; u
- titjib fil-komunikazzjoni dwar l-integrità.
Il-proġett se jdum għaddej 24 xahar u se jkun appoġġjat minn kumitat ta’ sorveljanza magħmul minn rappreżentanti tal-uffiċċju tal-Kummissarju, il-grupp parlamentari ta’ kull wieħed miż-żewġ partiti politiċi ewlenin, il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Governanza, is-soċjetà ċivili, DĠ Reform, u l-OECD.
L-avveniment tat-tnedija tal-proġett ġie ppresedut minn Julio Bacio Terracino, aġent kap tad-Diviżjoni dwar l-Integrità fis-Settur Pubbliku tal-OECD. Waqt l-avveniment tkellmu l-Kummissarju għall-Istandards, Dr George Hyzler; Dr Edward Zammit Lewis, Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza; Dr Stefan Zrinzo Azzopardi, Segretarju Parlamentari għall-Fondi tal-UE; Daniele Dotto, Viċi Direttur f’DĠ Reform; Jeffrey Schlagenhauf, Viċi Segretarju Ġenerali tal-OECD; Carissa Munro, Analista fid-Diviżjoni dwar l-Integrità fis-Settur Pubbliku tal-OECD; u Ciresica Lavinia Feyer, Project Manager f’DĠ Reform.
Ritratt: Daniele Dotto, Ciresica Lavinia Feyer, Dr George Hyzler, Julio Bacio Terracino, u Carissa Munro.