04 Aug 2023

Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, qed jirrakkomanda li l-linji gwida dwar riklami tal-gvern li nħarġu mill-uffiċċju tiegħu sentejn ilu għandhom isiru parti mil-liġi.

L-istorja ta’ dawn il-linji gwida bdiet f’Marzu 2021 meta l-Kummissarju ta’ qabel, Dr George Hyzler, ressaq każ li kien jinvolvi riklam maħruġ minn ministru quddiem il-Kumitat Permanenti tal-Parlament dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Il-Kumitat ma setax jaqbel dwar il-każ. L-Ispeaker, li bħala president tal-Kumitat kellu vot deċiżiv, astjena għaliex ħass li l-kodiċi ta’ etika ministerjali ma kienx ċar biżżejjed dwar riklami tal-gvern.

Għalhekk f’Awwissu tal-2021 il-Kummissarju Hyzler ħareġ il-linji gwida biex iservu bħala punt ta’ referenza f’każi li jinvolvu riklami tal-gvern.

F’Ġunju tal-2022 il-Kummissarju Hyzler irrefera lill-Kumitat każ ġdid li kien jinvolvi riklami ppubblikati mill-gvern f’suppliment tal-gazzetta KullĦadd. Fid-dawl tal-linji gwida l-Kummissarju kkonkluda li dawn ir-riklami kienu jirrappreżentaw ksur ta’ etika.

Fit-28 ta’ Ġunju 2023 il-Kumitat temm il-konsiderazzjoni tiegħu ta’ dan il-każ. Bis-saħħa ta’ vot deċiżiv tal-Ispeaker, il-Kumitat ma qabilx mar-rapport tal-Kummissarju Hyzler. L-Ispeaker qal li ma setax jaqbel mar-rapport għaliex il-linji gwida m’għandhomx bażi legali, iżda qal ukoll li huwa jaqbel mal-kontenut tagħhom u li għandhom jingħataw saħħa legali.

Fid-dawl ta’ dan il-Kummissarju preżenti, Joseph Azzopardi, kiteb lill-Kumitat fit-18 ta’ Lulju 2023. Huwa qal li l-linji gwida ma kinux maħsubin bħala regoli ġodda fihom infushom, iżda biss biex jindikaw kif għandhom jiġu applikati r-regoli eżistenti tal-etika f’każi li jinvolvu riklami jew materjal promozzjonali imħallsa minn fondi pubbliċi.

Fl-ittra tiegħu il-Kummissarju esprima l-opinjoni li fiż-żewġ każi l-Kumitat interpreta d-dispożizzjonijiet relevanti b’mod ristrett iżżejjed, u li allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ etika m’għandhomx jiġu trattati qishom akkużi kriminali.

Il-Kummissarju qal: “Jekk wieħed iqis dawn iż-żewġ każi bħala preċedent, ifisser li l-Kumitat la hu lest jistrieħ fuq il-kodiċi ta’ etika ministerjali u lanqas ma huwa lest jirreferi għal-linji gwida huwa u jikkunsidra allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ etika marbuta ma’ riklami mħallsa minn fondi pubbliċi. B’hekk il-Kumitat effettivament ħoloq sitwazzjoni fejn huwa ma jistax jieħu azzjoni kontra tali ksur. Din is-sitwazzjoni għandha tiġi indirizzata b’urġenza.”

Għalhekk il-Kummissarju Azzopardi rrakkomanda li l-linji gwida għandhom jingħataw ix-xejra ta’ regoli u jiġu inkorporati fil-kodiċi ta’ etika ministerjali li jinsab fit-tieni skeda tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. “B’hekk il-linji gwida jingħataw bażi legali u jiġi eliminat kull dubju dwar il-validità tagħhom.”

Il-Kummissarju ħareġ din ir-rakkomandazzjoni bis-saħħa tal-artikolu 13(1)(g) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, li jagħtih is-setgħa li “jagħmel rakkomandazzjonijiet għat-titjib ta’ kull Kodiċi ta’ Etika li jkun japplika għal persuni li jkunu soġġetti għal dan l-Att”.

Il-Kummissarju informa lill-Ispeaker li huwa kien bi ħsiebu jippubblika l-ittra tiegħu, iżda qabel mal-Ispeaker li l-ewwel il-Kumitat kellu jingħata l-opportunità jikkunsidraha.

Il-Kumitat beda jikkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju Azzopardi ilbieraħ 3 ta’ Awwissu 2023. Waqt il-laqgħa l-Ispeaker esprima l-qbil tiegħu mar-rakkomandazzjoni, iżda l-Kumitat għad irid jieħu deċiżjoni dwarha.

L-ittra tal-Kummissarju hija aċċessibbli minn https://standardscommissioner.mt/wp-content/uploads/recommendation-to-speaker-2023-07-18.pdf, filwaqt li l-linji gwida waħedhom huma aċċessibbli minn https://standardscommissioner.mt/wp-content/uploads/guidelines-government-advertising-promotional-material.pdf.