Fis-27 ta’ Ġunju 2022 il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards awtorizza l-pubblikazzjoni ta’ rapport maħruġ mill-Kummissarju għall-Istandards li jittratta dwar riklami uffiċjali f’suppliment ta’ gazzetta.
Is-suppliment in kwistjoni nħareġ mill-gazzetta KullĦadd fis-16 ta’ Jannar 2022 biex jikkommemora sentejn minn mindu l-Onor. Dr Robert Abela sar Prim Ministru. Is-suppliment kien fih 32 paġna, li l-biċċa l-kbira minnhom kien fihom biss riklami tal-gvern. Fis-suppliment dehru 18-il riklam tal-gvern li kienu jvarjaw minn paġna sa erba’ paġni fit-tul tagħhom.
Il-Kummissarju ikkunsidra dan il-każ a bażi tal-linji gwida li huwa kien ħareġ is-sena li għaddiet, wara każ ieħor li kien jinvolvi riklami uffiċjali maħruġa minn ministeru tal-gvern.
Fir-rapport tiegħu dwar dan il-każ, il-Kummissarju għall-Istandards ikkonkluda li ma kienx ġustifikat li riklami uffiċjali jiġu ppubblikati fis-suppliment, għaliex l-għan tas-suppliment kien li jfaħħar mexxej politiku u jiċċelebra t-tieni anniversarju tal-ħatra tiegħu. Pubblikazzjoni bi skop politiku bħal dan ma kellhiex tiġi appoġġjata permezz ta’ riklami uffiċjali mħallsa minn fondi pubbliċi. Il-Kummissarju qal li dan kien jirrappreżenta “t-tħassir tal-linja li tissepara gvern minn partit”.
Barra minn hekk, diversi riklami kienu jinkludu ritratti ta’ ministri, u xi wħud kien fihom ukoll kontenut ta’ natura partiġġjana. Dan jirrappreżenta ksur tal-linji gwida tal-Kummissarju.
Il-Kummissarju ssottometta r-rapport tiegħu dwar il-każ lill-Kumitat għall-Istandards fl-1 ta’ Ġunju 2022. Il-Kumitat iddiskuta r-rapport għall-ewwel darba fis-27 ta’ Ġunju u qabel li għandu jiġi ppubblikat. Il-Kumitat għad irid jiddeċiedi jekk għandux jadotta r-rapport jew le.
Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.