06 May 2025
Still image from video showing Minister Clifton Grima at a newly built school in Msida

Il-Kumitat Permanenti tal-Parlament għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika awtorizza l-pubblikazzjoni ta’ tliet rapporti tal-Kummissarju għall-Istandards.

Tnejn minn dawn it-tliet rapporti jirrigwardaw riklami uffiċjali tal-gvern li nstabu mill-Kummissarju li servew bħala pubbliċità għal ministri individwali. Każ wieħed jirrigwarda filmat maħruġ mill-Ministru Clifton Grima filwaqt li l-każ l-ieħor jirrigwarda filmat li nħareġ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li fih jidhru l-Prim Ministru u diversi ministri u segretarji parlamentari.

Dawn iż-żewġ filmati ġew meqjusa bħala riklami mill-Kummissarju għaliex ġew ippubblikati fuq il-midja soċjali permezz ta’ sponsored posts, jiġifieri l-gvern ħallas biex il-filmati jilħqu udjenza li ma kinitx tarahom fl-assenza tal-ħlas. Fir-rapporti tiegħu dwar dawn iż-żewġ każijiet, il-Kummissarju fakkar il-Kumitat għall-Istandards fil-bżonn li jiġu adottati regoli dwar ir-riklami tal-gvern.

It-tielet każ jirrigwarda kummenti magħmula mid-deputat parlamentari Alex Borg dwar il-konċessjoni tal-Forti Chambray f’Għawdex. Il-Kummissarju għall-Istandards sab li l-kummenti tal-Onorevoli Borg ma kinux fattwali. Fir-rapport tiegħu il-Kummissarju osserva li l-kodiċi ta’ etika tad-deputati parlamentari ma fihx l-obbligu li d-deputati għandhom jgħidu l-verità. Madankollu, il-Kummissarju kkonkluda li dan il-każ xorta jirrappreżenta ksur ta’ etika minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu.

Il-Kummissarju deherlu li t-tliet każijiet ma kinux gravi. Għal din ir-raġuni seta’ jagħlaq kull każ hu abbażi ta’ apoloġija mingħand il-persuna investigata, iżda fit-tliet każijiet il-persuna investigata m’aċċettatx li għandha tagħmel apoloġija. Kien għalhekk li huwa rrefera t-tliet każijiet lill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards.

Meta l-Kummissarju jirreferi rapport lill-Kumitat, huwa l-Kumitat li għandu s-setgħa jawtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu.

Ir-rapporti tal-Kummissarju huma aċċessibbli kif jidher hawn taħt.