Il-Kummissarju għall-Istandards kiteb għat-tielet darba lill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sabiex ikun jista’ jippubblika deċiżjonijiet li ilmenti m’għandhomx jiġu investigati.
Bħalissa, meta l-Kummissarju jinvestiga ilment ir-rapport tiegħu dwar l-investigazzjoni normalment jiġi ppubblikat. Biss, jekk il-Kummissarju jiddeċiedi li m’għandux jinvestiga ilment, huwa ma jistax jippubblika d-deċiżjoni tiegħu f’dan is-sens. Jista’ biss jibgħatha lil min għamel l-ilment u lil min sar l-ilment kontrih.
Il-ħsieb wara din il-prattika, li ġiet stabbilita mill-Kumitat fl-2019, kien li l-Kummissarju m’għandux ixandar allegazzjoni jekk mhux bi ħsiebu jinvestigaha.
Madankollu, f’ħafna każijiet din il-konsiderazzjoni ma tapplikax għaliex l-allegazzjoni diġà tkun fid-dominju pubbliku. Għalhekk il-Kummissarju kiteb lill-Kumitat fil-15 ta’ Ġunju u l-5 ta’ Diċembru 2023 biex jitlob il-jedd li jippubblika deċiżjonijiet li ilmenti m’għandhomx jiġu investigati.
Fid-19 ta’ Settembru 2024, il-Kummissarju kiteb għat-tielet darba biex itenni t-talba tiegħu u jiġbed l-attenzjoni tal-Kumitat li din ilha pendenti quddiemu għal aktar minn sena.
Il-Kummissarju qal ukoll li l-fatt li huwa ma jistax jippubblika deċiżjoni li ilment m’għandux jiġi investigat jagħti lok biex ħaddieħor ixandar rendikont selettiv, żbaljat, jew saħansitra qarrieqi dwar dik id-deċiżjoni, kif ġara riċentement fir-rigward tal-ilment 179. Barra minn hekk, is-segretezza fejn m’hemmx bżonnha tmur kontra l-prinċipju tat-trasparenza u timmina l-fiduċja tal-pubbliku fit-tħaddim tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.
Il-Kummissarju għalhekk talab li l-Kumitat jiddeċiedi kemm jista’ jkun malajr dwar din il-kwistjoni fl-interess tal-governanza tajba.
L-ittra tal-Kummissarju hija aċċessibbli minn hawn.