Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kiteb lill-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards sabiex ikun jista’ jippubblika deċiżjonijiet li lmenti m’għandhomx jiġu investigati.
Bħalissa, meta l-Kummissarju joħroġ rapport dwar investigazzjoni, dan jiġi ppubblikat. Biss, jekk il-Kummissarju jiddeċiedi li m’għandux jinvestiga lment, huwa ma jistax jippubblika d-deċiżjoni tiegħu f’dan is-sens. Jista’ biss jibgħatha lil min għamel l-ilment u lil min sar l-ilment kontrih. Dan huwa skont il-prattika stabbilita mill-Kumitat fl-2019.
Fl-ittra tiegħu lill-Kumitat, il-Kummissarju rrefera għal ilment li huwa kien irċieva kontra l-Onor. Alex Borg, il-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn ġie allegat li l-Onor. Borg għamel dikjarazzjoni falza dwar il-mediċini ġeneriċi. F’Diċembru tal-2025, il-Kummissarju ddeċieda li ma kellux jinvestiga l-ilment. II-kmamar tal-aħbarijiet taż-żewġ partiti I-kbar xandru rapporti differenti ħafna dwar id-deċiżjoni tiegħu.
Fl-ittra tiegħu, il-Kummissarju qal li setgħu jingħataw verżjonijiet daqshekk differenti tad-deċiżjoni għaliex hu ma setax jippubblikaha. Qal li wasal iż-żmien biex il-proċeduri stabbiliti mill-Kumitat jiġu riveduti fid-dawl tal-esperjenza, u ppropona li fejn jiddeċiedi li m’għandux jinvestiga Iment, għandu jkollu s-setgħa li jippubblika d-deċiżjoni tiegħu.
Il-Kummissarju osserva li diġà kien għamel l-istess proposta lill-Kumitat f’Ġunju 2023, Diċembru 2023 u Settembru 2024, iżda l-Kumitat baqa’ ma ħax deċiżjoni dwarha. Għalhekk talab deċiżjoni bikrija mingħand il-Kumitat fl-interess tat-trasparenza.
L-ittra riċenti tal-Kummissarju hija aċċessibbli minn hawn.


