17 Mar 2026

Fis-16 ta’ Marzu 2026, il-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards ma laqax proposta tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex jibda jippubblika deċiżjonijiet li m’għandux jinvestiga lmenti.

Bħalissa, meta l-Kummissarju joħroġ rapport dwar investigazzjoni, dan jiġi ppubblikat. Biss, jekk il-Kummissarju jiddeċiedi li m’għandux jinvestiga lment, huwa ma jistax jippubblika d-deċiżjoni tiegħu f’dan is-sens. Jista’ biss jibgħatha lil min għamel l-ilment u lil min sar l-ilment kontrih. Dan huwa skont il-prattika stabbilita mill-Kumitat fl-2019.

Il-Kummissarju deherlu li wasal iż-żmien biex din il-prattika tinbidel fl-interess tat-trasparenza, u kiteb lill-Kumitat għal dan il-għan fil-21 ta’ Jannar 2026. Din l-ittra segwiet ittri simili li huwa kien bagħat lill-Kumitat f’Ġunju 2023, Diċembru 2023 u Settembru 2024, iżda dak iż-żmien il-Kumitat baqa’ ma ħax deċiżjoni dwar din il-proposta.

Fil-laqgħa tagħhom tas-16 ta’ Marzu, il-membri tal-Kumitat osservaw li l-persuna li għamlet l-ilment u l-persuna li sar l-ilment dwarha jistgħu jekk iridu jippubblikaw id-deċiżjoni tal-Kummissarju huma. Madankollu, dehrilhom li m’għandux ikun il-Kummissarju li jippubblika d-deċiżjoni. Għalhekk qablu li l-prattika kurrenti għandha tibqa’ fis-seħħ.

Id-deċiżjoni tal-Kumitat tgħodd biss għal deċiżjonijiet min-naħa tal-Kummissarju li m’għandux jinvestiga lmenti. Ir-rapporti tal-Kummissarju dwar investigazzjonijiet se jibqgħu jiġu ppubblikati skont il-prattika eżistenti.

Waqt l-istess laqgħa, il-Kumitat ikkunsidra wkoll abbozz ta’ avviż legali li jemenda l-kodiċi ta’ etika għad-deputati parlamentari u l-kodiċi ta’ etika għall-ministri. Il-Kumitat qabel li għandu jkompli jiddiskuti dan l-abbozz.