Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ippropona li meta joħroġ deċiżjoni li ilment m’għandux jiġi investigat, għandu jkollu l-jedd li jippubblika dik id-deċiżjoni.
Bħalissa, meta l-Kummissarju jinvestiga ilment ir-rapport tiegħu dwar l-investigazzjoni normalment jiġi ppubblikat. Biss, jekk il-Kummissarju jiddeċiedi li m’għandux jinvestiga l-ilment, huwa ma jistax jippubblika d-deċiżjoni tiegħu iżda jista’ biss jibgħatha lil min għamel l-ilment u lil min sar dwaru l-ilment.
Din il-prattika ġiet stabbilita fl-2019 bi qbil bejn il-Kummissarju ta’ qabel u l-Kumitat tal-Parlament dwar l-Istandards. Il-ħsieb wara din il-prattika kien li l-Kummissarju m’għandux ixandar allegazzjonijiet jekk mhux bi ħsiebu jinvestigahom, sabiex jevita danni għall-persuna li l-allegazzjonijiet saru dwarha.
Madankollu, ta’ spiss jiġri li l-allegazzjonijiet ikunu diġà fid-dominju pubbliku meta jsir ilment dwarhom lill-Kummissarju, jew inkella min jagħmel l-ilment ixandarhom hu stess.
Barra minn hekk, ta’ spiss jiġri wkoll li min jagħmel l-ilment jew il-persuna li l-ilment sar dwarha xxandar id-deċiżjoni tal-Kummissarju li l-ilment m’għandux jiġi investigat.
Għalhekk, fil-15 ta’ Ġunju 2023 il-Kummissarju kiteb lill-Ispeaker bħala president tal-Kumitat dwar l-Istandards biex jipproponi li jingħata s-setgħa li jippubblika deċiżjonijiet li ilmenti m’għandhomx jiġu investigati.
Fil-5 ta’ Diċembru 2023 il-Kummissarju reġa’ kiteb biex jgħid li t-talba tiegħu kienet ilha pendenti quddiem il-Kumitat għal aktar minn ħames xhur u issa saret urġenti. Il-Kummissarju osserva li skont il-proċedura kurrenti d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jiġu mxandra b’mod mhux uffiċjali, u min ixandarhom jista’ jagħti rendikont selettiv, żbaljat jew saħansitra qarrieqi kif ġara f’każ riċenti.