14 Dec 2021

Fl-14 ta’ Diċembru 2021 il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards awtorizza l-pubblikazzjoni ta’ rapport ippreparat mill-Kummissarju għall-Istandards dwar l-ingaġġ ta’ konsulent mill-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Ir-rapport jittratta dwar allegazzjonijiet li l-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana, abbużat mis-setgħat tagħha meta tat kuntratt ta’ €15,000 b’ordni diretta lill-eks footballer professjonali Danijel Bogdanovic. Il-kuntratt kien jaħseb biex huwa jagħmel studju dwar l-operat tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport u jipproponi riformi.

Fir-rapport tiegħu il-Kummissarju kkonkluda li s-Sur Bogdanovic la kien kwalifikat u lanqas kompetenti biex iwettaq il-kuntratt. Il-Kummissarju sab li dokument dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Isport li jġib isem is-Sur Bogdanovic bħala l-awtur fil-fatt kien inkiteb kważi kollu minn Paul Debattista, konsulent fis-segretarjat tal-Ministru Caruana.

Għaldaqstant il-Kummissarju wasal għall-konklużjoni li l-aġir tal-Ministru Caruana f’dan il-każ kien jammonta għal abbuż ta’ setgħa diskrezzjonali u ksur ta’ etika. Barra minn hekk, kien sar sforz konċertat biex tinħeba l-inkompetenza tas-Sur Bogdanovic billi ġie mqabbad ħaddieħor biex jagħmel ix-xogħol tal-kuntratt, u billi dan il-fatt ġie mistur fix-xhieda li ngħatat lill-Kummissarju.

Fl-10 ta’ Diċembru 2021 il-Kummissarju ppreżenta r-rapport tiegħu, flimkien ma’ żewġ volumi ta’ evidenza, għall-konsiderazzjoni tal-Kumitat għall-Istandards. Il-Kummissarju rrakkomanda li l-Kumitat għandu jikkunsidra li jgħaddi r-rapport lill-pulizija sabiex din tara jekk hemmx lok biex tinvestiga lil dawk involuti fil-każ.

Fl-14 ta’ Diċembru 2021 il-Kumitat iltaqa’ biex jikkunsidra r-rapport. Il-Kumitat qabel li għandu jawtorizza l-pubblikazzjoni tar-rapport u ż-żewġ volumi ta’ evidenza li jakkumpanjawh, bir-redazzjoni ta’ sentenza f’dokument li jinsab f’wieħed mill-volumi sabiex ma tiġix żvelata informazzjoni personali li mhix relatata mal-każ. Il-Kummissarju diġà kien għamel redazzjoni fl-istess dokument għal raġuni simili qabel ma bagħtu lill-Kumitat.

Il-Kumitat qabel ukoll li għandu jerġa’ jiltaqa’ biex ikompli jiddiskuti r-rapport.

Rapport dwar il-każ K/036 | Evidenza relatata vol. I | Evidenza relatata vol. II (kif redatt)