Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jissemma f’dokument intitolat Handbook of Good Practices in the Fight Against Corruption, li ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea.
Id-dokument ikopri miżuri li ttieħdu mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea sabiex irażżnu l-korruzzjoni, iżidu t-trasparenza, jevitaw konflitti ta’ interess, jew jsaħħu l-etika fil-ħajja pubblika. L-għan tad-dokument hu li jispira miżuri simili f’pajjiżi oħra. Fil-każ ta’ Malta d-dokument jittratta dwar l-infurzar ta’ standards ta’ integrità mill-Kummissarju għall-Istandards.
Il-każ tal-Kummissarju għall-Istandards jissemma wkoll fis-sommarju eżekuttiv tad-dokument bħala wieħed minn tmien każi li huma meqjusin partikolarment innovattivi u ta’ impatt. Is-sommarju eżekuttiv jiddeskrivi x-xogħol tal-Kummissarju bħala “eżempju rari ta’ investigazzjoni u impożizzjoni ta’ pieni b’mod kredibbli kontra uffiċjali għolja li jikkommettu ksur ta’ etika”.
Id-dokument huwa aċċessibbli minn https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/df1a5278-ac18-11ed-b508-01aa75ed71a1.