08 May 2024
Chief Justice Emeritus Joseph Azzopardi, Malta's Commissioner for Standards in Public Life

Fil-ġimgħat li għaddew l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ta kontribut għal inizjattivi biex jittejbu l-istandards ta’ etika f’pajjiżi oħra.

F’April il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, Kummissarju għall-Istandards, indirizza uffiċjali mill-aġenziji kontra l-korruzzjoni tal-Każakistan u l-Użbekistan. Il-Kummissarju tkellem dwar l-irwol tal-uffiċċju tiegħu u dwar ir-regoli ta’ etika li jorbtu l-ministri, id-deputati parlamentari u l-persuni ta’ fiduċja f’Malta.

Il-Kummissarju ntalab jagħmel dan id-diskors mill-Kunsill tal-Ewropa bħala parti minn programm ta’ taħriġ li ġie organizzat minnha bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea. Il-kors sar fi Strasburgu, Franza, iżda l-Kummissarju għamel id-diskors tiegħu minn Malta permezz ta’ video link.

F’Marzu d-Direttur Ġenerali fl-uffiċċju tal-Kummissarju, Charles Polidano, ta l-veduti tiegħu fuq abbozz ta’ rapport dwar il-kontroll ta’ kunflitti ta’ interess f’pajjiż Baltiku. Ir-rapport tħejja mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (l-OECD), li għandha l-prattika li tqabbad “peer reviewers” biex jagħtu l-veduti tagħhom dwar rapporti li jkunu għadhom fl-istadju ta’ abbozz. Is-Sur Polidano serva bħala peer reviewer għar-rapport in kwistjoni fuq talba tal-OECD.

Ritratt: il-Kummissarju Joseph Azzopardi.