Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler, ikkunsidra ilment dwar ministru li allegatament naqas li jieħu passi kontra aġir abbużiv minn qraba tiegħu.
Il-Kummissarju ddeċieda li ma jinvestigax il-każ għaliex kienet l-Awtorità tal-Ippjanar li kellha tieħu passi kontra l-abbuż in kwistjoni, mhux il-ministru li lilu ġie rappurtat l-abbuż. Irriżulta wkoll li l-ministru fil-fatt kien għadda rapport dwar l-allegat abbuż lill-Awtorità. Il-Kummissarju kkonkluda li l-ministru s’hemm seta’ jasal u kien jikser il-liġi kieku ħa xi azzjoni hu personalment kontra l-abbuż.
Il-Kummissarju osserva li l-Awtorità tal-Ippjanar ma dehritx li ħadet passi effettivi biex trażżan l-abbuż, iżda ma kien hemm xejn x’jindika li dan kien minħabba xi ordni jew influwenza tal-ministru li lilu ġie rappurtat l-abbuż. In-nuqqas ta’ azzjoni ta’ infurzar min-naħa tal-Awtorità ma setax jitqies bħala sitwazzjoni eċċezzjonali jew straordinarja fid-dawl tal-fatt li l-Awtorità għandha eluf ta’ każi ta’ infurzar pendenti, u wħud minn dawn il-każi jmorru lura sal-1993.
Il-Kummissarju qal li filwaqt li qraba ta’ ministru għandhom jiġu trattati bħal ċittadini oħra, jiġifieri la b’mod preferenzjali u lanqas b’mod diskriminatorju, tajjeb li jżommu quddiem għajnejhom li dak li jagħmlu għandu impatt fuq ir-reputazzjoni tal-ministru li jiġi minnhom u kemm-il darba jabbużaw, il-pubbliku ser jissoponi li dan qed jagħmluh għaliex il-ministru qed jipproteġihom. Għalhekk għandhom joqogħdu iktar attenti minn ħaddieħor li ma jabbużawx.
Il-Kummissarju qal ukoll li entitajiet pubbliċi m’għandhomx jistaħbew wara l-ineffiċjenza tagħhom stess bħala skuża biex ma jittrattawx każi ta’ abbuż li jinvolvu l-qraba ta’ ministru, altrimenti l-pubbliku jidħollu s-suspett li dan qed isir biex jiġi aġevolat indirettament il-ministru. Min-naħa tagħhom il-ministri risponsabbli mill-entitajiet m’għandhomx jittolleraw ineffiċjenza daqstant gravi f’dawk l-entitajiet għaliex dan jirrappreżenta nuqqas ta’ governanza tajba u jkompli jnawwar il-fiduċja tal-pubbliku fil-klassi politika.
Billi l-Kummissarju ma nvestigax l-ilment, mhux qed jippubblika dettalji dwar il-każ. Dan huwa skont il-proċedura miftehma mid-deputati taż-żewġ partiti fil-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Ir-raġuni wara l-proċedura hija li jekk ilment jixxandar mingħajr ma jiġi investigat, ikun qed jintefa’ dell fuq il-persuna li dwarha sar l-ilment mingħajr ma tkun ingħatat l-opportunità li tgħid tagħha u tiskolpa lilha nnifisha.