22 Jun 2020

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab li ma kien hemm xejn x’jindika li Dr Ian Borg, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, ta ordni biex xogħlijiet bla permess li kienu qed isiru mill-Aġenzija Infrastruttura Malta f’Wied Qirda, Ħaż-Żebbuġ, jitkomplew bi sfida ta’ Ordni ta’ Waqfien u Konformità maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Il-Kummissarju wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment sottomess mill-Professur Arnold Cassola f’Novembru 2019 kontra l-Ministru Borg u Frederick Azzopardi, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Infrastruttura Malta.

L-ilment kontra l-Inġinier Azzopardi ma setax jiġi investigat billi huwa ma jaqax taħt l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Għaldaqstant il-Kummissarju investiga biss il-Ministru Borg.

Il-Kummissarju sab li kien minnu li saru xogħlijiet bla permess f’Wied Qirda, u ordni maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi biex ix-xogħlijiet jieqfu ma ġietx osservata mallewwel. Dan kien ikkonfermat mill-Awtorità stess. Madankollu, ma kien hemm ebda indikazzjoni li l-Ministru Borg kien ta ordni biex ix-xogħlijiet jibqgħu għaddejjin.

Il-Kummissarju osserva li l-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent intervjeniet b’mod professjonali u fil-pront, u aktar tard waslet fi qbil mal-Aġenzija Infrastruttura Malta dwar kif kellhom isiru x-xogħlijiet b’mod li l-ambjent fil-wied jiġi mħares.

Il-Kummissarju għalhekk ma laqax l-ilment tal-Professur Cassola.