Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħareġ dokument li jipproponi kodiċijiet ta’ etika riveduti għad-deputati parlamentari u l-ministri. Il-Kummissarju ssottometta dan id-dokument lill-Kumitat Permanenti tal-Parlament dwar l-Istandards bħala rakkomandazzjoni skont l-artikolu 13(1)(g) tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.
Il-kodiċijiet riveduti huma maħsuba biex jieħdu post dawk eżistenti għad-deputati u l-ministri, li jinsabu fl-ewwel u t-tieni skedi tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Il-kodiċijiet riveduti għandhom isaħħu l-istandards ta’ etika li japplikaw għad-deputati u l-ministri u jirrinforzaw il-qafas ta’ kontabilità tal-istituzzjonijiet tat-tmexxija f’Malta. Il-kodiċijiet riveduti jindirizzaw ukoll ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Grupp ta’ Stati Kontra l-Korruzzjoni (GRECO), korp fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa.
Il-kodiċi rivedut għad-deputati parlamentari jinkorpora fih elementi bħal dawn li ġejjin:
- Prinċipji ġodda li jitolbu li d-deputati ma jesponux lilhom infushom għar-riskju li jitqegħdu taħt pressjoni jew influwenza fil-qadi ta’ dmirijiethom.
- Dispożizzjoni li tobbliga lid-deputati li ma jabbużawx mis-setgħat u l-privileġġi tagħhom.
- Reġistru tar-Rigali, Benefiċċju u Ospitalità, li fih id-deputati għandhom iniżżlu mhux biss ir-rigali, il-benefiċċji u l-ospitalità li jirċievu huma iżda anki dawk li huma jagħtu lil ħaddieħor, jekk ikunu relatati mal-attivitajiet parlamentari u politiċi tad-deputati.
- Reġistru tal-Interessi, biex jiġu reġistrati interessi finanzjarji u mhux finanzjarji.
Il-kodiċi ta’ etika rivedut għall-ministri u s-segretarji parlamentari jinkorpora tibdiliet importanti bħal dawn li ġejjin:
- Il-ministri għandhom joqogħdu għal restrizzjonijiet fl-impieg għal perjodu ta’ tliet snin wara li jispiċċaw mill-kariga tagħhom.
- Il-ministri huma obbligati li jirrekordjaw l-assi, interessi finanzjarji u interessi mhux finanzjarji f’Reġistru tal-Interessi.
- Il-ministri għandhom jirrekordjaw komunikazzjonijiet relevanti ma’ lobbyists f’Reġistru tat-Trasparenza.
- Il-ministri ma jistgħux jaċċettaw rigali, benefiċċji u ospitalità għalihom jew għall-membri tal-familja tagħhom ħlief kif ikun permess minn linji gwida maħruġa mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
- Il-ministri ma jistgħux jagħtu rigali, benefiċċji u ospitalità ħlief kif ikun permess mil-linji gwida tal-Kummissarju.
- Il-ministri m’għandhomx jassoċjaw ma’ individwi li jistgħu ipoġġuhom taħt obbligu jew influwenza mhix xierqa.
- Il-ministri m’għandhomx jidħlu f’sitwazzjonijiet fil-ħajja privata tagħhom li jesponuhom għal pressjoni jew influwenza mhix xierqa.
- Jekk ministru jiltaqa’ ma’ persuna li għandha interess f’xi permess, awtorizzazzjoni jew benefiċċju ieħor mingħand l-istat, il-laqgħa għandha tkun waħda formali u fil-preżenza ta’ uffiċjali.
- Il-ministri m’għandhomx jużaw kontijiet tal-email mhux uffiċjali għal xogħol uffiċjali.
- Il-ministri għandhom jipprovdu fondi pubbliċi lill-midja skont kriterji oġġettivi.
Kull kodiċi huwa akkumpanjat minn linji gwida li jelaboraw fuq punti speċifiċi. Kull kodiċi fih dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kummissarju għall-Istandards li joħroġ dawn il-linji gwida. B’hekk il-kodiċi ma jiġix mgħobbi b’dettalji żejda, filwaqt li l-linji gwida jkunu jistgħu jinbidlu skont kif jitolbu l-esperjenza u ċirkostanzi ġodda.
Ir-rapport tal-Kummissarju huwa aċċessibbli minn hawn.