L-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (il-kapitolu 595 tal-liġijiet ta’ Malta) jinkludi kodiċi ta’ etika għall-impjegati pubbliċi. Dan il-kodiċi jgħid fost affarijiet oħra li impjegati pubbliċi li bħala parti minn xogħolhom jittrattaw ma’ intrapriżi privati jistgħu jinżammu milli jaċċettaw impieg ma’ dawk l-intrapriżi wara li jirriżenjaw mill-impieg pubbliku tagħhom.
Skont il-paragrafu 12 tal-kodiċi, kif ukoll l-artikolu 4 fl-Att innifsu, impjegat pubbliku li jirregola jew jispezzjona intrapriżi privati jista’ jintalab jiffirma dikjarazzjoni li, matul perjodu ta’ sentejn wara li jirriżenja mill-impieg pubbliku tiegħu, mhux se jaċċetta impieg ma’ xi waħda minn dawk l-intrapriżi privati. Dan il-perjodu ta’ sentejn hu magħruf bħala l-cooling off period. Huwa maħsub biex intrapriża privata ma tkunx tista’ tinfluwenza impjegat pubbliku billi toffrilu impieg magħha talli jaġevolaha fix-xogħol tiegħu.
Impjegat pubbliku li jkun marbut b’dikjarazzjoni ta’ dan it-tip jista’ jeħel tliet snin paga jekk ma josservahiex. Din il-multa tkun rikoverabbli bħala danni ċivili.
Każi ta’ uffiċjali pubbliċi li llum qegħdin jittrattaw ma’ kumpanija privata f’isem l-istat u għada jassumu mpieg mal-istess kumpanija huma magħrufa bħala revolving doors. Il-fenomenu tar-revolving doors qajjem tħassib f’diversi pajjiżi, li lkoll ħadu miżuri biex irażżnuh.
Id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u tal-kodiċi daħlu fis-seħħ fis-27 ta’ Settembru 2019.
Bis-saħħa tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, persuni ta’ fiduċja – jiġifieri persuni ngaġġati fis-segretarjat ta’ ministru biex jagħtu pariri, jaġixxu ta’ konsulenti, jew jaġixxu fi rwol eżekuttiv – huma wkoll marbuta bil-kodiċi ta’ etika li jifforma parti mill-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika. Għaldaqstant id-dispożizzjoni fil-kodiċi dwar revolving doors tista’ tiġi applikata għalihom ukoll jekk ikunu qegħdin jittrattaw ma’ intrapriżi privati f’kapaċità uffiċjali.
Il-ministri jaqgħu taħt kodiċi ta’ etika differenti li jifforma parti mill-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Dan il-kodiċi ma fihx dispożizzjonijiet dwar revolving doors. Madankollu l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qiegħed iħejji proposti biex dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip jiġu nkorporati bħala parti minn reviżjoni tal-kodiċi ta’ etika ministerjali.