Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kiteb lill-Ispeaker biex jesprimi t-tħassib tiegħu għaliex il-Kumitat tal-Parlament għall-Istandards qed idum biex jippubblika r-rapporti li jiġu riferuti lilu mill-Kummissarju.
Il-Kummissarju kiteb l-ittra tiegħu wara li laqgħa tal-Kumitat ġiet sospiża għax iż-żewġ membri nominati mill-Prim Ministru naqsu milli jattendu. Il-Kumitat kien imissu jiddiskuti r-rapport K/028 tal-Kummissarju, dwar każ ta’ pubbliċità politika li allegatament tħallset minn fondi pubbliċi. Madankollu, iż-żewġ membri in kwistjoni m’attendewx bi protesta għaliex, skont huma, il-kontenut tar-rapport kien inkixef mill-midja.
Fl-ittra tiegħu il-Kummissarju assigura lill-Ispeaker li fl-uffiċċju tiegħu id-dokumenti jinżammu b’sigurtà stretta u r-rapport dwar il-każ K/028 ma ġiex żvelat mill-uffiċċju tiegħu.
Il-Kummissarju osserva li huwa jippreżenta tliet tipi ta’ rapporti lill-Kumitat: rapporti fejn ma jsibx ksur ta’ etika; rapporti fejn isib ksur ta’ etika iżda l-ksur ikun ġie rimedjat bi qbil mal-Kummissarju; u rapporti fejn isib ksur li ma jkunx jista’ jiġi rimedjat b’dan il-mod. L-ewwel żewġ tipi ta’ rapporti jiġu ppubblikati mill-Kummissarju u jiġu riferuti lill-Kumitat għall-informazzjoni biss. It-tielet tip ta’ rapport jiġi riferut lill-Kumitat biex ikompli jikkunsidra l-każ hu, u huwa l-Kumitat li jiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport.
Il-Kummissarju osserva li din il-proċedura qed twassal biex rapporti tiegħu dwar investigazzjonijiet jibqgħu mistura. Dan qed joħloq polemiċi bla bżonn, imur kontra l-prinċipju tat-trasparenza, u m’għandu ebda bażi fil-liġi. Il-Kummissarju qal li hu għandu jkollu r-responsabbiltà li jiddeċiedi jekk għandux jippubblika r-rapporti tiegħu, kif jagħmlu l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u l-Uffiċċju tal-Ombudsman.
Il-Kummissarju qal ukoll li m’hemm xejn li jindika li r-rapport dwar il-każ K/028 ġie żvelat mill-midja. Fl-istorja tagħha tat-8 ta’ April 2021, Newsbook ġibdet il-konklużjoni ovvja li l-Kummissarju sab ksur ta’ etika ġaladarba kien irrefera l-każ lill-Kumitat. L-istorja ta’ Newsbook tuża l-kliem “awto-promozzjoni sfaċċata” li ma jidhru mkien fir-rapport tal-Kummissarju. Barra minn hekk Newsbook talbet informazzjoni mingħand il-Ministru Carmelo Abela dwar kemm swiet il-kampanja ta’ pubbliċità tiegħu – informazzjoni li diġà qegħda fir-rapport.
L-ittra tal-Kummissarju tista’ titniżżel minn hawn.