Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħareġ ir-rapport annwali tiegħu għas-sena 2021.
Ir-rapport jispjega l-irwol tal-Kummissarju għall-Istandards skont l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika u l-proċeduri li jħaddem huwa u jikkunsidra ilmenti dwar deputati parlamentari u persuni ta’ fiduċja.
Ir-rapport jgħid li l-Kummissarju rċieva 41 ilment matul l-2021. Il-Kummissarju għalaq 39 ilment, li minnhom sab 25 ineliġibbli biex jiġu investigati skont l-Att, filwaqt li huwa investiga u kkonkluda 14-il ilment. Il-Kummissarju kellu 16-il ilment pendenti fil-bidu tal-2021 u għalaq is-sena bi 18-il ilment pendenti.
Ir-rapport jagħti dettalji dwar deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissarju waqt li kien qiegħed jikkunsidra ilmenti. Ir-rapport jagħti wkoll dettalji dwar każi fejn il-Kummissarju bagħat rapport lill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards matul l-2021.
Ir-rapport ikopri attivitajiet oħra li twettqu mill-Kummissarju għall-Istandards matul l-2021, inkluż il-pubblikazzjoni ta’ linji gwida dwar riklami u materjal promozzjonali tal-gvern, u t-tnedija ta’ proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea biex itejjeb il-qafas tal-integrità u t-trasparenza f’Malta. Dan il-proġett qed jitmexxa mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku fuq talba tal-Kummissarju għall-Istandards.
Ir-rapport annwali għas-sena 2021 jista’ jitniżżel minn hawn.