Fit-30 ta’ Jannar 2025, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kiteb lill-Prim Ministru biex iressaq il-veduti tiegħu dwar is-sistema tad-dikjarar tal-assi li tapplika għall-ministri u d-deputati parlamentari.
L-ittra tal-Kummissarju segwiet korrispondenza li bdiet wara li d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri għas-sena 2023 ma tqiegħdux fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati kif kien ilu jsir għal ħafna snin. Il-Kummissarju kiteb lill-Prim Ministru għall-ewwel darba fit-2 ta’ Jannar 2025 biex jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar dan.
Fir-risposta tiegħu, il-Prim Ministru ppropona li kull deputat parlamentari għandu jagħmel dikjarazzjoni waħda tal-assi tiegħu kull sena, anki jekk ikun ministru. Din id-dikjarazzjoni titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra. B’hekk il-ministri ma jibqgħux jagħmlu dikjarazzjoni separata kif isir illum. Il-Prim Ministru talab il-veduti tal-Kummissarju dwar din il-proposta.
Fl-ittra tiegħu tat-30 ta’ Jannar, il-Kummissarju qal li m’għandu jkun hemm ebda tnaqqis fl-informazzjoni li l-ministri huma obbligati jiddikjaraw. Huwa osserva li bħalissa ministru huwa obbligat jiddikjara d-dħul tiegħu, għalkemm deputat ordinarju mhuwiex. Qal li l-introduzzjoni ta’ dikjarazzjoni komuni m’għandhiex twassal biex dan l-obbligu jaqa’.
Il-Kummissarju rrefera għal rapport tal-OECD li rrakkomanda li d-dikjarazzjonijiet għandhom jinkludu aktar informazzjoni. Dan ir-rapport qal, fost affarijiet oħra, li kull deputat għandu jiddikjara d-dħul tiegħu, u sew il-ministri u sew id-deputati għandhom jiddikjaraw rigali li jaqalgħu (inkluż safar imħallas). Il-Kummissarju qal li dan ir-rapport għandu jkun il-punt tat-tluq għar-riforma fis-sistema tad-dikjarar tal-assi.
Il-Kummissarju żied jgħid li r-riforma għandha tinvolvi konsultazzjoni mal-pubbliku u s-soċjetà ċivili, u m’għandhiex tkun mgħaġġla. Qal li sadanittant ma jara ebda raġuni għalfejn id-dikjarazzjonijiet tal-ministri għas-sena 2023 m’għandhomx jitqiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati, u dan għandu jsir kemm jista’ jkun malajr.
L-ittra tal-Kummissarju hija aċċessibbli minn hawn.