09 Jul 2025
View of Valletta

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħareġ ir-rapport annwali tiegħu għas-sena 2024. Il-Kummissarju ppreżenta r-rapport lill-Ispeaker fit-8 ta’ Lulju 2025, u l-Ispeaker qiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati dakinhar stess.

Matul l-2024 il-Kummissarju rċieva 19-il ilment. Il-Kummissarju investiga 17-il ilment u ddeċieda li ma kienx hemm lok għall-investigazzjoni ta’ 13-il ilment ieħor. B’hekk il-Kummissarju għalaq 30 ilment b’kollox.

In-numru ta’ lmenti pendenti niżel minn 27 fil-bidu tas-sena 2024 sa 16 fl-aħħar tas-sena.

Il-Kummissarju sab ksur ta’ etika f’erba’ każijiet. Għalaq tnejn minn dawn il-każijiet huwa stess wara li rċieva apoloġija, u rrefera ż-żewġ każijiet l-oħra lill-Kumitat Permanenti tal-Parlament dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Wieħed mill-każijiet riferuti mill-Kummissarju lill-Kumitat dwar l-Istandards kien jittratta dwar l-ingaġġ tal-istess persuna bħala konsulent minn żewġ ministri suċċessivament. Il-Kummissarju sab li din il-persuna għamlet xogħol segretarjali, mhux ta’ konsulent. Huwa sab liż-żewġ ministri ħatja ta’ abbuż ta’ poter u wieħed minnhom ħati ta’ favoritiżmu. Il-Kumitat aċċetta l-konklużjonijiet tal-Kummissarju f’dan il-każ.

Fid-dawl ta’ dan il-każ, il-Kummissarju huwa tal-fehma li l-liġi għandha tinbidel sabiex abbuż tal-kariga min-naħa ta’ persuni f’karigi statali jsir reat kriminali. Il-Kummissarju jidhirlu li dan ir-reat għandu jkopri traskuraġni gravi u imġiba ħażina fil-kariga, u għandu japplika għal min għandu kariga kemm politika u kemm amministrattiva.

Il-każ l-ieħor li ġie riferut mill-Kummissarju lill-Kumitat dwar l-Istandards kien jikkonċerna filmat promozzjonali dwar il-Prim Ministru. Il-Kummissarju kkonkluda li l-infiq ta’ flejjes pubbliċi fuq il-produzzjoni u x-xandir ta’ dan il-filmat ma kienx ġustifikat, iżda f’dan il-każ il-Kumitat ma qabilx mal-Kummissarju.

Ir-rapport annwali jgħid ukoll li f’Settembru tal-2024, il-Kummissarju kiteb lill-Kumitat u talab is-setgħa li jippubblika d-deċiżjoni tiegħu meta jiddeċiedi li m’għandux jinvestiga lment. Il-Kummissarju għamel din it-talba għaliex il-prattika preżenti kif stabbilita mill-Kumitat hija li jista’ jiġi ppubblikat rapport dwar investigazzjoni, iżda mhux deċiżjoni li lment m’għandux jiġi investigat. Il-Kummissarju jidhirlu li wasal iż-żmien biex uħud minn dawn id-deċiżjonijiet jibdew jiġu ppubblikati fl-interess tat-trasparenza.

Din kienet it-tielet darba li l-Kummissarju kiteb lill-Kumitat għal dan il-għan. Il-Kummissarju kien bagħat ittri simili f’Ġunju u f’Diċembru tal-2023. Madankollu, din il-kwistjoni għadha pendenti quddiem il-Kumitat.

Ir-rapport annwali tal-Kummissarju għas-sena 2024 huwa aċċessibbli minn https://standardscommissioner.mt/wp-content/uploads/annual-report-2024.pdf.

Ritratt: iStock.com/ewg3D