02 Nov 2020

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab li r-regoli li permezz tagħhom deputati parlamentari li jaħdmu fis-settur pubbliku jingħataw permess ta’ assenza mix-xogħol biex jattendu attivitajiet parlamentari qed jiġu abbużati.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment kontra deputati tal-oppożizzjoni li jaħdmu fis-settur pubbliku u li allegatament ma kinux qegħdin jidħlu għax-xogħol b’mod regolari.

Il-Kummissarju sab li skont ir-regoli għall-impjegati pubbliċi, deputati tal-parlament li jaħdmu fis-settur pubbliku għandhom dritt jattendu attivitajiet parlamentari li jsiru waqt il-ħin tax-xogħol. Biss, sab li s-sistema qed tiġi abbużata billi deputati jassentu ruħhom mill-post tax-xogħol bla kontroll, anki biex jattendu attivitajiet politiċi u tal-kostitwenza. Id-deputati m’għandhomx dritt jattendu attivitajiet simili waqt il-ħin tax-xogħol.

Il-Kummissarju kkonkluda li l-fatt li dan l-aġir qed jiġi tollerat mill-entitatijiet tal-Gvern jirrappreżenta nuqqas ta’ governanza tajba li għandu jiġi indirizzat. Il-Kummissarju rrakkomanda li għandu jiġi ċċarat liema huma dawk l-attivitajiet li d-deputati jistgħu jitħallew jattendu waqt il-ħin tax-xogħol, u li ebda deputat ma jingħata permess ta’ assenza mix-xogħol biex jattendi attivitajiet oħra.

Il-Kummissarju ikkonkluda li din il-prattika li ilha titħaddem snin twal
i. tirrappreżenta abbuż ta’ fondi pubblici;
ii. tammonta ghal abbuż, intenzjonat jew mhux, tal-pożizzjoni ta’ deputat parlamentari;
iii. timmina l-fiduċja li l-elettorat mistenni jkollu fir-rappreżentanti politiċi tiegħu
iv. tqiegħed il-kapijiet tal-entitajiet pubbliċi f’pożizzjoni diffiċli billi dawn huma mistennija jġorru responsabilità għal prattika li tagħti lok għall-irregolaritajiet; u
v. tikkomprometti l-indipendenza tad-deputati impjegati mas-settur pubbliku billi jkunu inqas disposti li jwettqu d-dmir li jiskrutinizzaw l-aġir tal-Gvern minħabba biża’ li jitilfu benefiċċju impliċitu tal-impjieg tagħhom.

Huwa kkonkluda wkoll li din is-sistema fil-prattika tiddiskrimina kontra dawk id-deputati li jaħdmu fis-settur privat u li jkollhom ilaħħqu max-xogħol regolari (barra mill-parlament) għall-għajxien tagħhom.

Il-Kummissarju ppropona wkoll li deputat li jaħdem fis-settur pubbliku m’għandux isir il-kelliem tal-oppożizzjoni dwar l-istess qasam li jaħdem fih, għax dan ipoġġi lid-deputat f’sitwazzjoni ta’ konflitt ta’ interess.

Il-Kummissarju fakkar li xogħol il-parlament u tal-backbenchers huwa li jżomm il-gvern taħt skrutinju, u għalhekk deputati li mhumiex ministri jew segretarji parlamentari kemm jekk tan-naħa tal-Gvern u kif ukoll dawk tan-naħa tal-oppożizzjoni m’għandhomx ikunu dipendenti għall-għajxien tagħhom fuq il-gvern.

Għalhekk il-Kummissarju reġa’ ppropona bħala soluzzjoni li d-deputati (backbenchers) kollha jingħataw l-għażla li jibdew jaħdmu full-time bħala deputati, u dawk li jaqilbu full-time jitħallsu paga ogħla minn deputati li jibqgħu part-time kif inhi s-sistema preżenti tal-Parlament. Jekk tidħol din is-sistema, il-liġi li tippermetti li deputati jibqgħu jaħdmu mal-Gvern waqt li jkunu deputati għandha titneħħa, salv li dawn id-deputati jkunu jistgħu jirritornaw lura fl-impieg tagħhom meta jispiċċaw mill-parlament.

B’hekk jiġi eliminat il-lok għall-abbuż u fl-istess ħin id-deputati ma jibqgħux dipendenti fuq il-gvern tal-ġurnata.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.