Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler, qal li stqarrijiet uffiċjali maħruġin permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni m’għandhomx jinkludu kontenut ta’ natura politika u partiġġjana.
Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment mingħand il-Prof Kevin Cassar kontra l-Onor Silvio Schembri, Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar. L-ilment kien jikkonċerna stqarrija maħruġa mill-Ministru permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni fit-8 ta’ Ottubru 2020.
Il-Kummissarju sab li l-ħruġ tal-istqarrija kien jirrappreżenta ksur ta’ etika da parti tal-Ministru Silvio Schembri, ġaladarba l-ministri huma obbligati jirrispettaw in-newtralità politika tas-servizz pubbliku. Il-Kummissarju osserva li sew il-ministri u sew il-membri tal-Oppożizzjoni jistgħu jużaw mezzi ta’ komunikazzjoni personali jew tal-partit biex joħorġu stqarrijiet partiġġjani, iżda jkun abbuż jekk id-Dipartiment tal-Informazzjoni jintuża għal dan il-għan.
Għalhekk il-Kummissarju laqa’ l-ilment u għalaq il-każ wara li l-Ministru Schembri kitiblu biex jirrikonoxxi li l-istqarrija li kien ħareġ “setgħet titqies partiġġjana żżejjed” u biex jintrabat li “jagħmel kull sforz biex jevita stqarrijiet simili meta dawn jinħarġu permezz tad-DOI”. Il-Kummissarju kien tal-fehma li din ir-risposta tal-Ministru kienet rimedju biżżejjed fiċ-ċirkostanzi tal-każ, iżda jekk jinqalgħu każi simili fil-futur jitqiesu ta’ natura aktar gravi.
Il-Kummissarju osserva li huwa diġà kkunsidra l-mod ta’ kif il-ministri jużaw id-Dipartiment tal-Informazzjoni permezz ta’ rapport li huwa ħareġ f’Awwissu tal-2019. Il-Kummissarju tenna r-rakkomandazzjoni li kien għamel f’dak ir-rapport sabiex id-Dipartiment tal-Informazzjoni jfassal policy biex jiddetermina x’tip ta’ kontenut huwa aċċettabbli fi stqarrijiet li jkunu maħsuba biex jiġu ppubblikati minnu.
Ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.