17 Sep 2019

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħareġ rapport dwar ilment minn Dott Andrew Borg Cardona li allega li stqarrija għall-istampa maħruġa mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali permezz tad-Dipartiment għall-Informazzjoni (DOI) kienet tikkostitwixxi użu mhux xieraq ta’ riżorsi pubbliċi minħabba n-natura politika tagħha.

L-istqarrija ministerjali ħabbret li l-qorti kostituzzjonali kienet ċaħdet it-talba tal-għaqda tas-soċjetà ċivili Repubblika biex tiġi mwaqqfa l-ħatra ta’ tliet imħallfin u tliet maġistrati, u li l-ħatriet kienu saru fl-istess ġurnata ta’ din id-deċiżjoni tal-qorti. L-istqarrija kkritikat ukoll lill-avukati ta’ Repubblika, Dott Simon Busuttil u Dott Jason Azzopardi, talli pprovaw iwaqqfu dawn il-ħatriet minkejja li kienu se jsiru skont il-metodu tal-ħatra fil-Kostituzzjoni li ż-żewġ avukati kienu vvutaw favurih, bħala deputati parlamentari, xi sentejn qabel.

Il-Kummissarju jikkonkludi li l-istqarrija tal-Ministru Owen Bonnici ma kenitx tammonta għal ksur tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministru u s-Segretarji Parlamentari, billi l-kontenut tagħha kien relatat mar-responsabbiltajiet uffiċjali tal-Ministru, iżda jesprimi l-fehma li kien ikun aktar xieraq kieku l-Ministru Bonnici ħalla barra l-kummenti dwar l-avukati ta’ Repubblika. Kawżi fil-qorti huma tal-litiganti mhux tal-avukati, u avukat mhux bilfors jaqbel ma’ kawża għax jirrappreżenta l-litigant. Dawn il-kummenti, li kienu ntiżi biex jiskorjaw punti politiċi, ġabu l-istqarrija fil-periklu li taqsam il-linja ta’ x’inhu etikament aċċettabbli.

Il-Kummissarju jfakkar li kellu l-opportunità jindirizza l-użu tad-DOI minn ministri f’rapport preċedenti. Huwa jtenni s-sejħa li għamel f’dak ir-rapport biex ministri ma joħorġux stqarrijiet ta’ natura partiġġjana permezz tad-DOI.

Il-Kummissarju jwissi wkoll li l-avukati in ġenerali, speċjalment dawk attivi fil-politika, għandhom ikunu sensittivi lejn ir-riskji nvoluti fit-tfittxija ta’ pubbliċità għall-kawżi li jieħdu sehem fihom, billi dan iżid il-perċezzjoni li huma personalment jidentifikaw mal-każ.

Ir-rapport jista’ jitniżżel minn hawn.