03 Aug 2023

Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards awtorizza l-pubblikazzjoni ta’ rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar allegazzjoni li ministru ta informazzjoni falza lill-istampa.

Il-każ imur lura sa April 2020 meta ġurnalista staqsa lill-Onor. Dr Michael Farrugia, dak iż-żmien Ministru għall-Intern, dwar laqgħa li huwa kellu ma’ Yorgen Fenech fl-2014, sitt snin qabel. Meta kienet saret il-laqgħa Dr Farrugia kien Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar.

Ftit wara l-laqgħa Dr Farrugia kien ta struzzjonijiet lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex l-Imrieħel jiġi inkluż fost iż-żoni għall-iżvilupp ta’ bini għoli skont policy ġdida ippreparata mill-Awtorità. Dan wassal għall-iżvilupp ta’ bini għoli fl-Imrieħel li s-Sur Fenech kellu interess fih.

F’April 2020 il-Professur Arnold Cassola bagħat ilment lill-Kummissarju għall-Istandards ta’ dak iż-żmien fejn allega li Dr Farrugia ma qalx il-verità fir-risposti li huwa ta lill-ġurnalist. Fost affarijiet oħra, Dr Farrugia qal li d-deċiżjoni li l-Imrieħel jitqies bħala żona għall-iżvilupp ta’ bini għoli ttieħdet minn kumitat li kien qed jevalwa s-sottomissjonijiet tal-pubbliku dwar policy ġdida tal-Awtorità tal-Ippjanar. Skont l-ilmentatur dan ma setax ikun minnu għaliex ma kienx il-pubbliku li ppropona l-inklużjoni tal-Imrieħel.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu lill-Kummissarju, Dr Farrugia qal li l-proposta dwar l-Imrieħel ġiet mingħand kumitat interministerjali li kellu l-kompitu li jagħti direzzjoni strateġika f’isem il-gvern dwar il-policies tal-Awtorità tal-Ippjanar. Madankollu, fil-kummenti li ta lill-ġurnalist huwa semma “a committee evaluating policies after public consultation”. Din hi riferenza ċara għall-kumitat imsemmi mill-ilmentatur.

Għalhekk il-Kummissarju preżenti kkonkluda li f’din l-istanza Dr Farrugia naqas li jgħid is-sewwa. Il-Kummissarju nnota li kienu għaddew sitt snin minn mindu ġara l-każ, iżda Dr Farrugia messu vverifika l-fatti qabel ta tweġiba.

Il-Kummissarju bagħat ir-rapport tiegħu lill-Kumitat fil-31 ta’ Lulju 2023. Il-Kumitat ikkunsidrah għall-ewwel darba fit-3 ta’ Awwissu, meta qabel li r-rapport għandu jsir pubbliku. Il-Kumitat għandu jkompli jiddiskuti r-rapport fil-ġimgħat li ġejjin.

Ir-rapport tal-Kummissarju dwar dan il-każ jista’ jitniżżel minn hawn.