Fis-27 ta’ April 2026, il-Kummissarju kiteb lill-Ispeaker biex jippreżenta l-fehmiet tiegħu dwar mozzjoni parlamentari li kienet tipproponi emendi għall-kodiċi ta’ etika tad-deputati parlamentari u l-kodiċi ta’ etika tal-ministri.
Il-Kummissarju laqa’ b’sodisfazzjon uħud mill-emendi proposti, inkluż l-introduzzjoni tal-valuri ta’ lealtà, oġġettività, onestà, kontabilità, trasparenza u kunfidenzjalità fil-kodiċi ta’ etika tad-deputati.
Il-Kummissarju nnota wkoll diversi nuqqasijiet, inkluż l-eliminazzjoni tal-obbligu li d-deputati jiddikjaraw propjetà immobbli miżmuma mill-irġiel u n-nisa tagħhom taħt il-komunjoni tal-akkwisti u l-obbligu li l-ministri jiddikjaraw investimenti finanzjarji u kontijiet bankarji miżmumin mill-irġiel u n-nisa tagħhom taħt il-komunjoni tal-akkwisti.
Il-Kummissarju qal li jifhem il-preokkupazzjoni dwar il-privatezza tal-qraba ta’ deputati. Hawnhekk irrefera għal rapport tal-OECD li jipproponi li hu għandu jkollu s-setgħa li jitlob informazzjoni mingħand il-qraba ta’ deputat jekk dan ikun neċessarju biex id-dikjarazzjoni tal-assi tad-deputat tiġi verifikata kif titlob il-liġi. Il-Kummissarju qal li din il-proposta tirrikonċilja t-trasparenza mal-privatezza, għaliex l-uffiċċju tiegħu jżomm l-informazzjoni miġbura minnu mistura jekk ma jsib ebda irregolarità fid-dikjarazzjoni tad-deputat. Il-Kummissarju qal li fl-assenza ta’ mekkaniżmu bħal dan, l-eliminazzjoni tal-obbligu tad-dikjarar ta’ assi tal-konjuġi tqanqal tħassib serju.
Il-Kummissarju żied jgħid li r-rapport tal-OECD jinkludi proposti importanti li għadhom ma ġewx imwettqa. Fost affarijiet oħra, ir-rapport jipproponi l-introduzzjoni ta’ reġistru ta’ rigali li jingħataw lid-deputati u lill-ministri; restrizzjonijiet fuq l-impiegi li jistgħu jiġu aċċettati minn ministru wara li jispiċċa mill-kariga; u r-regolamentazzjoni ta’ kuntatti bejn ministri u “lobbyists”. Qal li tkun ħasra jekk tintilef l-opportunità biex issir riforma wiesgħa fil-qafas etiku tal-ħajja pubblika f’Malta kif propost mill-OECD.
Il-Kummissarju talab lill-Ispeaker biex iqiegħed l-ittra fuq il-mejda tal-Kamra, iżda l-Parlament ġie xolt qabel ma seta’ jsir dan. Il-Kummissarju ppubblika l-ittra biex il-veduti tiegħu ikunu dokumentati. L-ittra hi aċċessibbli minn https://standardscommissioner.mt/wp-content/uploads/2026-04-27-letter-to-speaker-mt.pdf.


